OPPORTUNITAJIET?

  • Lul 21, 2016 06:04
  • Miktub minn Alfred Sant

    Inħossni ftit skomdu nisma’ diskors dwar l-“opportunitajiet” li tista’ toffri l-Brexit. Ir-realtà hi li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jkun mixja diplomatika u ekonomika mill-aktar kumplessa. Qabel jista’ jseħħ, irid ikun hemm ftehim politiku dwar il-mira finali tal-bidla, li jiġi proċess komplikat ieħor.

    Hu fl-interess ta’ kulħadd, inkluż ta’ Malta, li jintlaħaq qbil raġonevoli dwar dil-mira ħalli d-diplomazija istituzzjonali u ekonomika timxi ’l quddiem. L-aktar ħaġa li wieħed irid joqgħod attent għaliha fil-passi li jittieħdu, hi li xejn ma jservi biex iqagħbar l-interessi nazzjonali differenti.

    Personalment nara li l-akbar problema politika għalina hi kif se jiċċaqlaq iċ-ċentru tal-gravità politikament fl-Unjoni Ewropea bit-tluq tar-Renju Unit. Se jiddominaw wisq aktar il-veduti tal-Ġermanja. Dal-pajjiż għandu taħt it-tmexxija preżenti virtu kbira u difett kbir.

    Minn naħa, ma jfajjarx bidliet ta’ malajr fil-politika li jaddotta (bl-eċċezzjoni straordinarja s-sena li għaddiet dwar l-immigrazzjoni).

    Id-difett il-kbir hu li jekk jaddotta politika, jibqa’ jsegwiha sal-aħħar b’mod wisq riġidu (bħal dwar l-awsterità fit-tmexxija tal-finanzi publiċi).

    ***

    Ideat sbieħ

    Matul is-snin, iltqajt ma’ diversi persuni ta’ kull nazzjonalità li jinqalgħu biex joħorġu b’ideat u proposti sbieħ. Tant ikunu sbieħ li kulħadd jaċċetta s-sbuħija u l-interess tagħhom.

    Biss l-istess nies ta’ spiss issibhom ftit interessati fil-mod kif jistgħu jitwettqu l-proposti li jressqu. Wisq anqas li jieħdu sehem impenjat fit-twettiq tal-proġetti li jkunu welldu, tal-anqas bil-kliem.

    Sadattant ikunu webblu bihom lil ħafna oħrajn li jibdew jistennew it-twettiq tagħhom, mingħajr ma jifhmu li webbluhom b’miraġġ.

    Għal dir-raġuni, sirt nibża’ minn kull min jersaq b’xi proposta li tidher sabiħa waqt li dwar kif tista titħaddem jibqa’ sieket.

    ***

    Relativiżmu

    Taħt il-Papa preċedenti (u anki ta’ qablu), linja gwida ewlenija kienet li fil-prinċipji ta’ twemmin u għajxien il-ħajja, il-bniedem ma setax jaċċetta xi relativiżmu – jiġifieri li valuri jistgħu ma jkunux assoluti.

    Dejjem rajtha sorprendenti dil-ħaġa għax storikament hu ċar li anke fi ħdan il-Kristjaneżmu, żminijiet u ċirkostanzi differenti ġġeneraw valuri differenti. Mhux biss dwar kwistjonijiet ta’ sess u żwieġ, imma anke dwar modi oħra kif tqis il-ħajja tal-bnedmin, bħal dwar l-iskjavitù, it-tortura, il-piena kapitali, il-ġustizzja soċjali. Hemm kitbiet ta’ Santu Wistin pereżempju fejn dan ir-“relativiżmu” hu diskuss b’mod intelliġenti ħafna.

    Interessanti għalhekk l-iżvolta li ta l-Papa preżenti fejn b’mod uman u sinċier, qed jiftaħ tieqa fuq ir-relattiv: bejn biża’ u biża’, bejn deni u deni, l-għażla morali trid issir ukoll skont iż-żmien li jkun u skont iċ-ċirkostanzi attwali li jiddefinixxu r-realtà tal-bniedem.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook