Enerġija li tiġġedded

  • Lul 18, 2016 06:40
  • Miktub minn Alfred Sant

     

    Matul vjaġġi bit-trenn dan l-aħħar, komplejt nimpressjona ruħi b’kemm infirxu l-imtieħen tar-riħ mal-kampanja Ewropea. Tilmaħhom fi gruppi ta’ sitta jew aktar qrib xulxin, qishom għassiesa tal-għelieqi u l-irħula. Kieku Don Quixote kien qed iħuf fi żminijietna, kien jikkonkludi li qed isseħħ invażjoni tal-ġganti.

    Id-dehra tal-imtieħen, tikkonferma dak li qed turi l-istatistika: fl-aħħar snin, kien hemm żieda sostanzjali fit-tħaddim ta’ enerġija li tiġġedded.

    L-istess dehra imma donnha tikkonferma kemm dan il-mod kif tiġġenera l-elettriku ftit jgħodd għal pajjiżna, minkejja li ta’ spiss jinħakem mir-riħ. Anke mitħna waħidha, fil-kobor tagħha tkun tiddomina l-kampanja Maltija. Aħseb u ara skwadra minnhom ta’ sitta jew aktar.

    Sempliċement m’hawnx post fejn jitpoġġew, sakemm mhux fil-baħar. U hemm mid-dehra ma jkunux vijabbli.

    ***

    Wara Nizza

    Il-massakru ta’ Nizza jkexkex fil-barbarija tiegħu, anki wara ż-żewġ attakki barbari li twettqu fl-aħħar sena u nofs fi Franza, u dak ta’ Brussell aktar kmieni dis-sena.

    Donnu li qed jinstabu dejjem aktar individwi li lesti jmutu f’furja kważi orgażmika waqt li jkunu qatlu u qerdu għexieren ta’ persuni innoċenti. L-attentati qed jitkebbu fil-lingwaġġ tal-Iżlam fundamentalista, imma aktar jixbhu l-attentati li kienu jwettqu n-niħilisti fi żminijiet oħra. Biss żgur li dak iż-żmien, ma ntlaħaqx il-livell ta’ terrur u barbarija li qed naraw illum.

    Il-problema għal kull politika tas-sigurtà hi li l-aqwa ħarsien kontra din it-theddida hi żieda sostanzjali fis-sorvelja li ssir fuq iċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan imur kontra l-valuri tal-ħelsien u d-demokrazija li bir-raġun il-maġġoranza enormi tal-popli Ewropej ma jridux iwarrbu jew jillimitaw.

    ***

    Sejbiet arkeoloġiċi

    Ħabib qalli kif matul is-snin, qed jinstabu f’Malta fdalijiet arkeoloġiċi li għalkemm ftit jissemmew, se jkollhom impatt kbir fuq kif nifhmu l-istorja mbiegħda tagħna. Jekk fhimt tajjeb, l-isfida tal-biċċa hi li mhux ħaġa daqshekk ħafifa biex il-fdalijiet misjuba jiġu studjati malajr malajr.

    Jonqsu r-riżorsi materjali u umani, waqt li s-sejbiet isiru ħafna drabi waqt il-ħidma dejjem għaddejja biex nibnu toroq, skejjel, servizzi tad-drenaġġ u oħrajn minn tarf sa tarf tal-gżejjer. Kif rajna dan l-aħħar bil-protesti li qamu f’raħal fejn il-bini ta’ servizz meħtieġ tħalla nofs leħja... Sakemm jiġi żgurat li l-fdalijiet misjuba waqt ix-xogħlijiet jingħataw ħarsien adekwat, ma tistax tistenna li l-iskoperta tal-imgħoddi xxekkel il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

    Forsi hemm bżonn ta’ politika ġdida u integrata li tfittex li tivvalorizza aħjar il-fdalijiet misjuba ġodda.

    M’hemm l-ebda sorpriża fil-konklużjoni li biex dan iseħħ, ikunu meħtieġa aktar flus.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0