Vulnerabbli

  • Lul 15, 2016 07:13
  • Miktub minn Charles Miceli

    Kelma li daħlet fil-vokabularju Malti. Kelma li qieghda fuq fomm il-maġġoranza tal-politiċi. U nisimgħuha spiss meta jkun riesaq il-Baġit jew xi elezzjoni.

    Imma min huma l-vulnerabbli? Veru jeżistu? U jekk jeżistu kemm huma? U fejn huma? Qatt iltqajt ma’ xi ħadd minnhom? U kif nistgħu ngħinuhom eżatt?

    Madankollu tajjeb nippruvaw nispjegaw naqra xi tfisser din il-kelma. Fuq min qed nitkellmu eżatt meta ngħidu vulnerabbli? Għalija vulnerabbli huma dawk kollha li għandhom bżonn għajnuna speċjali, dawk li għal xi raġuni jew oħra jsibuha iebsa biex jieqfu fuq saqajhom weħidhom.

    U r-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. Quddiem għajnejja, fost oħrajn, jiġuni tfal, anzjani, nies morda u persuni b’diżabilità. Madankollu tajjeb li meta l-politiċi jitkellmu fuq in-nies vulnerabbli, jgħidulna eżatt lil min għandhom f’moħħhom.

    Għax jistgħu jkunu qed jirreferu għal kulħadd u ma jkunu qed jirreferu għal ħadd.

    Ħaddiema fqar

    Mingħajr definizzjoni eżatta ta’ min huma dawk li jaqgħu taħt it-terminu vulnerabbli, allura nistgħu nibqgħu nitkellmu sal-eternità. U meta ngħidu vulnerabbli, jidħlilna f’moħħna li nkunu qed ngħidu wkoll għal dik il-kategorija ta’ nies l-aktar fil-periklu li jispiċċaw fil-faqar?

    Sfortunatament meta nitkellmu fuq il-faqar, dejjem iqum xi għaref li jipprova jgħallimna li l-fqar jinsabu fiex jinsabu tort tagħhom. Għax għażżenin jew għax ma jafux jonfqu flushom.

    Imma apparti t-tfal, ix-xjuħ, il-morda u d-diżabbli li żgur ħadd ma jista’ jipponta subgħajh lejhom, jien nara faxxa oħra ta’ nies li rridu naraw kif se ngħinuhom. Qed nitkellem fuq il-working poor, il-ħaddiema fqar.

    Nies b’paga minima jew daqsxejn aktar, nies li jagħtu l-ġurnata tax-xogħol kuljum, m’għandhomx ikunu qed jgħixu fuq preċipizju. Li mal-ewwel buffura riħ jispiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom.

    Tfal

    Jekk niftħilha ma nispiċċa qatt. Imma ma nistax ma nsemmix it-tfal li għal xi raġuni jew oħra ommhom ma tistax tmur taħdem barra d-dar.

    Ma rridx niġġeneralizza wisq. Imma naħseb li qed issir diskriminazzjoni ma’ dawn it-tfal li nċaħħduhom milli jattendu ċ-childcare.

    U għandi l-impressjoni li dawn se jkunu fi żvantaġġ ħdejn tfal oħra. Għax milli qrajt, iċ-childcare jgħin fl-iżvilupp tat-tfal. L-aktar jekk għal xi raġuni jew oħra min ikun qed jieħu ħsiebhom id-dar ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdilhom ambjent tajjeb daqs dak li nsibu fiċ-childcare.

    Jekk sejjer żball nieħu gost li xi espert jikteb biex ifissrli fejn qed immur żmerċ.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0