PARADOSS FIT-TURIŻMU

  • Lul 11, 2016 06:04
  • Miktub minn Alfred Sant

    Punt li dejjem ħawwadni dwar is-settur tar-turiżmu f’pajjiżna hu dan: ngħidu li t-turiżmu hu wieħed mill-aqwa sorsi ta’ qligħ fil-pajjiż. Dan għandu jfisser li joffri opportunitajiet ta’ negozju tajjeb għax jiġġenera profitti tajba li minnhom is-sidien u l-ħaddiema jaqilgħu dak li għandhom jaqilgħu, waqt li jibqgħu fondi biżżejjed għal investimenti ġodda u/jew għall-immodernizzar ta’ investimenti diġà eżistenti.

    Mentri li fuq l-aħħar punt tal-anqas, le: issib li kważi kull investiment ġdid propost f’lukandi ta’ ċertu daqs jistrieħ jew fuq artijiet mixtrija bl-irħis mingħand il-gvern u/jew b’parti mill-proġett marbuta mal-bini ta’ appartamenti ta’ lussu jew le, għall-bejgħ lil Maltin u barranin.

    Ngħid jien: kieku t-turiżmu f’pajjiżna tassew għandu għerq tajjeb, ma kienx jiġri li l-investimenti f’lukandi u attrezzi oħra ikun waħdu ta’ interess?

    Darba wara l-oħra, nisimgħu l-argument li proġett ta’ lukanda waħidha mhuwiex vijabbli. Hemm xi ħaġa stramba f’dil-biċċa.

    ***

    Armi

    Riesaq lejn tmiemu – jew aħjar wieħed jgħid, xi forma ta’ qbil – il-proċess li bih mal-Ewropa jidħlu kontrolli ġodda fuq iż-żamma tal-armi. Wara l-attakki terroristiċi tas-sena li għaddiet fi Franza, l-esperti tas-sigurtà ħeġġew biex l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ma jħallux aktar f’użu ħieles, armi awtomatiċi jew li jistgħu jinbidlu għall-użu “awtomatiku”.

    Il-proposti li tressqu ’l quddiem qajmu furur fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri kollha: kaċċaturi, bdiewa, sportivi tal-isparar, kuraturi ta’ mużewijiet, kollezzjonisti. Kollha kellhom ir-raġunijiet tagħhom għaliex il-proposti jew dehrulhom ħarxa żżejjed u se jħarbtulhom l-interessi leġittimi tagħhom, jew qiesu li se jkunu ineffettivi.

    Matul ix-xhur ta’ diskussjonijiet tressqu ħafna proposti u bdew ħerġin diversi kompromessi, tant li fuq numru ta’ kwistjonijiet kważi kull pajjiż se jkollu r-restrizzjonijiet tiegħu differenti minn ta’ ħaddieħor. Raġuni għal dan, apparti milli s-suġġett innifsu hu teknikament kumpless ħafna, ġejja mid-diversità wiesgħa ħafna tal-użu li jsir mill-armi mal-firxa Ewropea.

    Tibqa’ l-mistoqsija: l-arranġamenti milħuqa se joffru sigurtà tajba biżżejjed kontra t-terroriżmu? Jidher li l-esperti anti-terroristiċi huma dubjużi.

    ***

    L-Olimpjadi

    Spiċċa l-kampjonat tal-futbol Ewropew. Daqt jibdew l-Olimpjadi.

    L-isport sar wieħed mill-aqwa industriji globali. Għandu infrastruttura tiegħu li titmexxa b’mod opak u elitista.

    Das-sajf l-Olimpjadi se jinżammu f’pajjiż li jinsab politikament u ekonomikament imħarbat. Jistgħu jgħinu biex iġibulu aktar stabbiltà. Jistgħu jkomplu jgħarrquh.

    M’għandu jkun hemm l-ebda skantament li industrija bħal din tispiċċa attakkata mill-korruzzjoni. Wieħed kien jiskanta kieku ġara bil-maqlub, u l-isport globali kien ħieles minn dil-pjaga.

    Effettivament fiċ-ċirkostanzi attwali, il-korruzzjoni fl-isport hi ta’ benefiċċju lil wisq interessi biex tista’ tiġi fgata kif ġieb u laħaq.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook