Biċċa kejk

  • Lul 08, 2016 06:21
  • Miktub minn Charles Miceli

    Ovvjament il-ġustizzja soċjali titlob ħafna aktar mit-tqassim tal-kejk nazzjonali. Għalhekk forsi aktar floku hawn li nitkellem dwar id-distribuzzjoni tal-ġid milli dwar il-ġustizzja soċjali.

    Madankollu tajjeb li f’dan il-pajjiż nibdew nitkellmu wkoll dwar il-ġustizzja soċjali. Suġġett kumpless imma m’għandniex naqtgħu qalbna. Għax mingħajr ġustizzja soċjali tbati l-komunità kollha kemm hi.

    Ngħid biss li skont l-Oxford Dictionary, ġustizzja soċjali tfisser ġustizzja fit-tqassim tal-ġid, opportunitajiet u privileġġi.

    Issa l-ħabib tiegħi Francois Zammit fuq Facebook qal li l-ġid ma jistax jitqies biss fuq livell materjali. U nemmen li għandu raġun.

    Għalhekk ma nistgħux niftaħru li aħna ċivilizzati jew insara jew umanisti jekk ma naħdmux biex kemm jista’ jkun ikollna soċjetà mibnija fuq il-ġustizzja soċjali.

    Distribuzzjoni tal-ġid

    Illum aktar minn ħaġa oħra, imma, xtaqt nikteb xi ħaġa dwar id-distribuzzjoni tal-ġid. U hawn qed nitkellem dwar il-ġid finanzjarju.

    Ovvjament mhux qed neskludi li jeżistu forom oħra ta’ ġid, imma naħseb li fost ewwel ħtiġiet bażiċi hemm dawk li nimlew żaqqna u jkollna xi mkien fejn indabbru rasna.

    Issa li l-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li għall-Baġit li jmiss it-tqassim tal-ġid huwa l-akbar prijorità, huwa imperattiv li ssir diskussjoni sana dwar kif il-ġid li qed jinħoloq jitqassam b’ġustizzja.

    Dawk kollha li jemmnu li mhux sew li jkun hawn min jiekol nofs il-kejk u min lanqas imissu żbiba jridu jibdew iressqu proposti konkreti ħalli jiġu evalwati u possibbilment inklużi fil-Baġit.

    Inkunu proattivi

    Wara l-istqarrija tal-Prim Ministru, kien hemm nies ta’ rieda tajba li ħadu pożizzjoni ta’ nistennew u naraw. Oħrajn, aktar ċiniċi, qalu li jidher li riesqa l-elezzjoni.

    Hu x’inhu, la qed jinħoloq il-ġid u ladarba l-Prim Ministru stess qed jammetti li l-prijorità hija li dan il-ġid jilħaq lil kulħadd, hemm bżonn inkunu proattivi. Ma jistax ikun nibqgħu passivi, imbagħad wara l-Baġit noqogħdu nagħmlu ħafna gdiedem u nparlaw fil-vojt.

    Tajjeb nistaqsu: Min huma n-nies li qegħdin fil-faqar? Xi strutturi hemm bżonn biex dawn in-nies jibdew jgħixu bid-dinjità li tixirqilhom? X’nistgħu noħolqu ġdid u x’nistgħu nirrevedu?

    Naħseb iż-żmien tad-diskors għadda. Għalhekk nappella lil kulħadd, l-aktar lil dawk l-organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ dawk l-aktar vulnerabbli, biex joħorġu bi proposti ħalli kulħadd ikun f’qagħda li jgħix ta’ bniedem.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook