DAR TAL-PROVIDENZA

  • Lul 07, 2016 05:48
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ħadt gost nisma’ li l-maratona għall-ġbir tal-fondi mid-Dar tal-Providenza fis-Siggiewi rnexxielha tilħaq l-għanijiet tagħha. Meta żortha fl-ewwel nofs tal-ħidma, kien hemm ċertu biża’ li l-miri mhux se jintlaħqu għalkollox minħabba li l-logħbiet tal-kampjonat tal-futbol Ewropew żammew lill-familji mkaħħla mas-settijiet tat-televixin.

    Id-Dar baqgħet protagonista fl-isforz nazzjonali biex iċ-ċittadini b’diżabbiltà fostna jkollhom kull aċċess għall-aħjar kondizzjonijiet tagħajxien. Skont it-teknoloġija soċjali ta’ meta kienet qed tmexxi l-ħidma tagħha – li tejbet u mmodernizzat matul is-snin – id-Dar li kienet pijuniera f’dal-qasam, baqgħet fidila għall-missjoni tagħha.

    Li dejjem ħassejtni ftit skomdu quddiem dak li jirnexxilha twettaq, hu li dan baqa’ marbut mal-“karità”. Xi tlettax fil-mija tal-baġit tagħha, hekk qaluli, ġej mid-dħul tal-maratona. Għaliex bqajna ma organizzajniex il-finanzi pubbliċi b’mod li l-baġit kollu joħroġ mill-fondi tal-kollettività?

    ***

    Alleanza possibbli?

    Fost il-konsegwenzi mhux mistennija tal-Brexit, jista’ jkun hemm din: progressivament il-binja ta’ “alleanza” bejn ir-Renju Unit u t-Turkija. Dil-ħaġa tista’ tinħass stramba wara l-biża’ minn immigrazzjoni qawwija Torka mqajjem matul ir-referendum li għadu kemm sar.

    Imma ż-żewġ pajjizi huma t-tnejn membri tan-NATO. It-tnejn għandhom jew se jkollhom ekonomiji fost l-akbar fl-Ewropa – it-Turkija bil-potenzjal li ssir l-akbar ekonomija tal-kontinent. It-tnejn jinsabu fit-trufijiet tal-Ewropa bl-ekonomiji tagħhom li jistgħu jkunu kumplementari għal xulxin.

    Ftehim bejniethom m’għandux għalfejn ikopri l-“erba’” libertajiet li tinsisti fuqhom, almenu sa issa, l-UE. Dwar l-immigrazzjoni wkoll jistgħu jinstabu arranġamenti partikolari.

    It-tnejn ikollhom ħafna x’jirbħu jekk jikkollaboraw; dan dejjem skont ix-xamma li l-Ewropej mhumiex jaġixxu b’rieda tajba meta jgħidu li lesti jdaħħlu lit-Turkija membru sħiħ tal-UE.

    ***

    Rocard

    Smajt l-eloġjili saru dwar Michel Rocard, li miet fl-aħħar tmiem il-ġimgħa. Jixirqulu. Anki jekk ma laħaqx President Franċiż, kellu karriera twila fix-xellug Franċiz u Ewropew li matulha spikkaw l-intelliġenza u s-sens kreattiv li bihom kien jaffaċċja l-isfidi u l-problemi.

    Madankollu l-aqwa memorji li għandi tiegħu jmorru lura lejn is-snin sittin tas-seklu l-ieħor meta Rocard kien imexxi partit żgħir, il-PSU, li kien jipproġetta mudell differenti għas-soċjaliżmu demokratiku.

    Kien ibbażat fuq il-ħsieb li l-ażjendi jitmexxew mill-ħaddiema u l-impjegati tagħhom, waqt li jibqgħu joperaw f’suq ħieles. Ideat simili kienu jissemmew minn ħafna, inkluż mix-xellug Kattoliku. Imma l-PSU kien l-uniku partit li daħħalhom bħala proġett ċentrali għall-viżjoni tiegħu. Kienu maħsuba bħala sistema biex tevita l-esplojtazzjoni kapitalista u l-madmad komunista sovjetiku, waqt li żżomm il-produzzjoni kompetittiva.

    Illum, il-proposti tal-PSU jinħassu utopiċi. Matul is-snin twarrbu. Biss, kienet ħaġa tajba li Rocard u sħabu ressquhom ’il quddiem kif għamlu, b’kuraġġ u impenn.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0