KONSEGWENZI MHUX MISTENNIJA

  • Lul 04, 2016 05:27
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kull azzjoni twassal għal riżultati li wħud ikunu mistennija, oħrajn le. Dan jiġri meta deċiżjonijiet meħuda jseħħu f’sitwazzjoni fejn il-kondizzjonijiet li jiddeterminawha jkunu magħrufa u stabbli. Aħseb u ara meta l-azzjoni tiġri b’mod li għalih ma jeżisti l-ebda preċedent u ftit li xejn jista’ jsir tbassir dwar x’se jiġri fil-futur.

    Il-qagħda dwar il-Brexit hi bħal tal-aħħar. Ir-Renju Unit ħiereġ mill-Unjoni Ewropea imma kif dan se jsir u b’liema konsegwenzi ftit qed jitbassar. Ħlief li l-qagħda tar-Renju Unit u anki tal-Unjoni se jeħżienu.

    Wieħed jista’ jaqleb il-problema ta’ taħt fuq. Jekk bħala konsegwenza mhux mistennija jiġri assolutament il-maqlub? Jekk bil-Brexit, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, b’konsegwenza mhux mistennija, t-tnejn jissaħħu...?

    F’das-sens, eżerċizzju interessanti jkun dak li wieħed jara kif jista’ jiżviluppa xenarju hekk, mill-fatti li nafu bihom sa issa.

    ***

    Mill-Awstrija

    Id-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali Awstrijakka li tikkanċella l-elezzjoni presidenzjali li saret ftit ilu hi serja għal aktar mir-raġuni li tissemma ta’ spiss – jiġifieri li l-lemin estrem ingħata ċans ieħor biex itella’ l-kandidat tiegħu fl-ogħla kariga tal-istat, anki jekk hi l-aktar ta’ natura ċerimonjali.

    Il-qorti ħadet id-deċiżjoni tagħha għax qablet li tassew saru irregolaritajiet wiesgħa fit-tmexxija tal-elezzjoni. Dan sar b’dannu tal-lemin estrem.

    Issa, hi ħaġa ċara li dak li sar hu anti-demokratiku għall-aħħar. U ftit tista’ targumenta li kien il-lemin estrem li wettqu... kontra l-istess interessi tiegħu.

    Waħda mill-agħar akkużi li ssir kontra l-lemin estrem hi li ma jirrispettax id-demokrazija.

    F’daqqa waħda, veru jew le, qed jidher li mhux hu biss jagħmel hekk; anki l-forzi miġmugħa kontrih u li jisħqu kif dak li janimahom l-aktar hu l-ħarsien tad-demokrazija.

    B’konklużjoni bħal din, il-periklu għad-demokrazija fl-Ewropa jitqies ħafna aktar profond milli konna naħsbu.

    ***

    Anqas diversifikazzjoni

    Nerġa’ ngħidha: is-snin li ilna membri tal-Unjoni Ewropea servew ukoll biex inaqqsu d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħna, mhux biex iżiduha.

    Terġa’, infrastruttura bażika li neħtieġu biex insostnu r-rabtiet tagħna ma’ barra, jew naqset relattivament jew mhiex taħt kontroll nazzjonali għax tiddependi għal kollox mit-tbandil tas-suq globali skont prinċipji neo-liberali. Niddubita kemm das-sostenn seta’ jkun possibbli mingħajr intervent dirett u mġedded tal-istat, ħaġa li bir-regoli ta’ tmexxija ekonomika li nsegwu mhix permissibbli.

    Waqt li seħħ dat-tnaqqis ta’ diversifikazzjoni fl-ekonomija, il-kontradizzjonijiet ma naqsux, kważi mingħajr ma ntbaħna bihom. Bħall-insistenza tas-settur turistiku, l-ewwel biex pajjiżna iħalli l-linji tal-ajru low cost joperaw lejn Malta, imbagħad biex l-Air Malta tinżamm fl-ajru akkost ta’ kollox – ħaġa li l-Unjoni Ewropea ma tippermettix.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook