SONDAĠĠI

  • Ġun 30, 2016 06:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    Is-sondaġġi għadhom jiswew għal xi ħaġa?

    Fl-aħħar elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit ipprevedew kollox ħażin.

    L-istess u b’mod ħafna aktar perikoluż, dwar ir-riżultat tar-referendum tal-Brexit. Sal-aħħar, ħlief meta għal ġimgħa u nofs is-sondaġġi ħabbru li tal-Brexit irkupraw, huma kienu qed jgħidu li l-kamp tal-Ibqa’ kien fuq quddiem. Imbagħad ġara dak li ġara.

    Storja simili seħħet fil-każ tal-elezzjoni Spanjola l-Ħadd li għadda. Fl-aħħar ġimgħat is-sondaġġi baqgħu juru li l-partit tax-xellug-xellug Podemos magħqud mal-partit tax-xellug eks-komunista kien se jsir it-tieni partit ta’ Spanja. Is-sondaġġi meħuda mal-votanti ħierġa mill-post tal-votazzjoni komplew jsostnu din l-istorja sa tard billejl.

    Imbagħad ħarġu r-riżultati u Podemos baqa’ fit-tielet post, anzi naqqas mill-voti.

    Għaliex dan kollu hu importanti?

    Għax is-sondaġġi saru l-boxxla tal-politika. Bħal fil-marketing li kont nitgħallem u wara ngħallem ilu ħafna, l-istrateġiji politiċi jitfasslu l-ħin kollu skont fejn jonfoħ ir-riħ tas-sondaġġi. Dawn għamlu żmien jipprovdu għodda tajba għal suċċessi elettorali kbar u żgħar.

    Jekk dil-boxxla issa qed titħawwad, kemm se jkunu mħawda aktar id-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu skont il-perspettivi li tiftaħ hi?

    ***

    Lord Hill

    Wieħed mill-ewwel “feruti” tal-Brexit kien il-Kummissarju Ewropew Lord Hill, rappreżentant tar-Renju Unit. Minnufih wara li ħareġ ir-riżultat tar-referendum, fil-Parlament Ewropew u barra minnu beda jissemma kif rappreżentanti Britanniċi kellhom jibqgħu lura minn kif jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea la kienu se joħorġu.

    Hill irriżenja minnufih. Kien responsabbli mis-servizzi finanzjarji, post li l-gvern tar-Renju Unit kien ried għalih, minħabba l-importanza tas-settur fl-ekonomija Brittanika. Hill idderieġa dan il-qasam mingħajr ma jdoqq it-trombi, jevita l-kontroversji imma attent għad-dettallji importanti fil-bidliet li kellu jwettaq.

    Ma kienx jogħġob lil uħud mir-rappreżentanti “kontinentali” – kienu jarawh liberali wisq. Il-mod kif iħares l-affarijiet kien iqarreb lejn kif bħala Malta, kien jaqblilna li l-Unjoni Ewropea tħares lejn is-servizzi finanzjarji.

    ***

    Deputati Soċjalisti

    Inżammet laqgħa tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew qabel plenarja li kellha tiddiskuti l-Brexit. L-aktar li ġibdu attenzjoni kienu d-deputati Laburisti Ingliżi.

    Ix-xogħol tagħhom riesaq lejn tmiemu. Dehru kommossi. Iddispjaċieni għalihom.

    Ħafna minnhom huma/kienu dedikati għal xogħolhom u jwettquh bil-galbu. Kont napprezzahom ħafna meta ħdimna mill-qrib, anke jekk mhux dejjem kont naqbel magħhom, speċjalment f’diskussjoni dwar it-tassazzjoni fil-qafas Ewropew.

    Il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi se jintlaqat ħażin mit-tluq tar-Renju Unit. Waqt li l-konservattivi taħt Cameron kien telqu mill-Partit tal-Popolari Ewropej, il-Laburisti Ingliżi baqgħu mas-soċjalisti u d-demokratiċi. Bit-tluq tad-deputati Brittaniċi, il-Popolari jibqgħu fejn kienu bħala saħħa parlamentari, imma l-S & D se jnaqqsu.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0