IEBES JEW ARTAB?

  • Ġun 27, 2016 05:57
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fl-aħħar mill-aħħar, fil-maġġoranza tiegħu, il-poplu Brittaniku ddeċieda favur li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Jien wieħed minn dawk li ma stennejtx ir-riżultat, imma lanqas ma ssorprendejt ruħi bih. Dan għax kont smajt kif il-magna elettorali tal-kamp tal-Ibqa’ ma kinitx qed taħdem tajjeb, waqt li l-messaġġ tagħha kien wisq elitista.

    Issa l-“Ewropej” iridu jiddeċiedu kif se jorganizzaw il-ħruġ tar-Renu Unit. Lil hinn mis-sura li r-relazzjoni tagħhom mar-Renju għandha tieħu, iridu qabel jiddeċiedu b’liema sieq se jilagħbu l-ballun.

    Għandhom joħolqu malajr relazzjoni ġdida mal-Unjoni Ewropea li żżommhom qrib ta’ xulxin? U allura jinnegozjaw bl-“artab”?

    Jew se jqisu li jekk jagħmlu hekk, se jkunu qegħdin jagħtu ħeġġa lil forzi politiċi f’pajjiżi membri oħra li huma wkoll iridu li joħorġu? U allura jaqblilhom jinnegozjaw bl-“iebes”?

    ***

    Immigrazzjoni

    L-immigrazzjoni, kif wieħed seta’ jistenna, spiċċat suġġett ewlieni fil-kampanja tar-referendum Britanniku. Se tibqa’ tkun hekk fl-aġitazzjoni politika Ewropea tax-xhur li ġejjin. Dan għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu.

    Minn naħa se jkollhom jiżdiedu l-isforzi biex il-materja kollha tiġi trattata b’mod qawwi u effettiv. Sa issa dan ma ġarax. Kulħadd ipprefera jħalli l-affarijiet għaddejja sakemm kienu qed jaffettwaw ħażin lill-ġar.

    Biss, kampanji dwar l-immigrazzjoni jqajmu l-polemika, iħarrxu d-diskors u jqanqlu sentimenti razzisti fost il-popli.

    Il-fenomenu hu kumpless. L-Ewropa tista’ tagħmel aktar biex tgħin lir-refuġjati. Numru sostanzjali ta’ ċittadini jħossuhom skomdi bir-refuġjati u ma jriduhomx.

    Numru sostanzjali ieħor, għalkemm iċken x’aktarx fid-daqs, irid jilqa’ lill-immigranti b’dirgħajn miftuħa mingħajr ma jidħol fil-kwistjoni ta’ kif komunitajiet sħaħ iħossuhom milquta ħażin b’hekk.

    Ċerti pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom bżonn ikabbru l-popolazzjoni tagħhom billi jdaħħlu l-immigranti.

    Ħafna mill-isforzi biex l-immigranti jintegraw tajjeb fil-komunitajiet nazzjonali fejn jaslu, ma rnexxewx.

    ***

    Laqgħa f'Wied il-Għajn

    Nhar il-Ġimgħa li għadda, taħt is-sigla tal-partit tas-soċjalisti u d-demokratiċi Ewropej, l-uffiċċju tiegħi organizza laqgħa pubblika, għand l-Inspire f’Wied il-Għajn, dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu fl-Ewropa. Kien għadu kemm tħabbar ir-riżultat tar-referendum Ingliż u l-Brexit iddomina d-diskussjoni li tqanqlet.

    Ma ddispjaċinix li ġara hekk. Wara kollox hemm rabta ħajja bejn it-tliet materji.

    Kienu pajjiżi Ewropej, fosthom l-istess Renju Unit, li bl-indħil tagħhom f’pajjiżi Għarab ipprovokaw parti mit-tqanqil tal-immigrazzjoni li qed iġġarrab l-Ewropa. Il-pjaga tat-terroriżmu ġej mill-Iżlam radikaliżżat hi riflessjoni wkoll tal-politika ta’ immigrazzjoni u integrazzjoni li tmexxiet fl-aħħar deċennji, b’riżultati ambigwi.

    Ir-referendum Ingliż ta lok għal dibattitu li se jibqa’ għaddej, dwar jekk risposta għal dawn l-iżviluppi tridx tingħata per mezz ta’ għaqda Ewropea jew billi kull pajjiż jirranġa biex iżomm rajh f’idejh.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0