NERVOŻIŻMI DWAR IL-BREXIT

  • Ġun 16, 2016 07:00
  • Miktub minn Alfred Sant

     

    Aktar ma toqrob id-data tar-referendum Ingliż dwar is-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea, aktar żdiedet it-tensjoni fost il-kamp ta’ dawk li jridu li r-Renju Unit ma joħroġx mill-Unjoni. Dan ftit kien mistenni għax b’mod jew ieħor, il-fehma kienet li fl-aħħar mill-aħħar il-poplu tar-Renju Unit, kif ġara snin ilu f’referendum simili, se jivvota bil-kbir biex jibqa’. Matul il-kampanja, dil-maġġoranza kellha tirranka.

    Jidher li mhux hekk ġara. Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-opinjoni mhumiex qed jiġu preżentati bl-istess mod; uħud jagħtu lil dawk li jridu jibqgħu fuq quddiem; oħrajn lil dawk li jridu jitilqu. Li hemm ċar madankollu hu li l-ebda kamp m’għandu vantaġġ determinanti fuq l-ieħor.

    Barra r-Renju Unit, mhux l-anqas fl-istituzzjonijiet Ewropej, in-nervożiżmi dwar x’se jkun ir-riżultat qed jikbru. Fl-Ewropa donnha qed tikber il-fehma li jekk il-Britanniċi jiddeċiedu kontra s-sħubija, il-prestiġju tal-Unjoni jkun qala’ daqqa kbira. Sinjifikattiva kienet id-deċiżjoni tal-magażin Der Spiegel li jiddedika kważi l-ħarġa kollha ta’ dil-ġimgħa għall-Brexit u fuq il-qoxra tiegħu jpoġġi s-sejħa bl-Ingliż, Please don’t go.

    ***

    Krudeltà

    Is-sentiment popolari kontra l-moħqrija lejn l-annimali qed jissaħħaħ fostna, u din hi ħaġa tajba. Kien hemm żmien meta ċerti nies kienu litteralment jieħdu gost jaraw annimal ibati jew anki jiġi ttorturat ta’ xejn b’xejn. Fondamentalment il-problema kienet waħda ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni.

    Illum, tneħħi dawk li jorganizzaw il-ġlied bejn l-annimali (klieb, sriedek eċċ) għal-logħob tal-imħatri, l-agħar każi ta’ krudeltà aktar jinqalgħu minħabba indifferenza u nuqqas ta’ attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ annimal, milli minn kefrija premeditata.

    ***

    Daex

    Ir-rapporti jgħidu li d-Daex, l-organizzazzjoni estrema tal-Iżlam, li wettqet atroċitajiet bla qies fl-aħħar snin, tinsab fuq l-irtirata fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja. Jalla tibqa’ hekk.

    Qed jintqal ukoll li ħafna mill-ġellieda tagħha li telqu mill-Ewropa qed imorru lura lejn minn fejn ġew. Il-paga li kienet titħallsilhom tnaqqset bil-kbir u l-prospett ta’ disfatta wara l-oħra qed iżidilhom iċ-ċansijiet ta’ mewt waqt ħbit mill-ajru fejn ma jkollok l-ebda mod kif tirrispondi għal min qed jattakkak biex tpattihielu.

    Il-fatt li qed jaslu lura dawn il-ġellieda telliefa, diżappuntati bl-esperjenza tagħhom, jista’ qed jiftaħ kapitlu ieħor aktar perikoluż fl-iżvilupp tat-terroriżmu kontemporanju. In-natura tal-attakki li jistgħu jsiru, u l-mod kif jiġu ppjanati, għandhom mnejn jinbidlu b’mod mhux prevedibbli.

    L-attakki sa issa ġew maħduma minn nies mitqiesa minna lkoll bħala estremisti. Kienu lesti jmutu fl-istess waqt li sseħħ il-qerda li qed iwettqu. Issa l-istess nies se jkunu qed jagħmlu dak li jridu jagħmlu wkoll b’sens ta’ disprament. Kif se jinbidlu l-“metodi” tagħhom?

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0