KORRUZZJONI

  • Ġun 13, 2016 06:52
  • Miktub minn Alfred Sant

    Mhux fl-Ewropa biss: il-korruzzjoni qed issir kwistjoni politikament qawwija u kontroversjali.

    Fil-Perù ddominat l-elezzjoni presidenzjali għax bint l-eks-President Fujimori rnexxielha tkun waħda miż-żewġ kandidati għat-tieni rawnd. Barra milli kellu jaffaċċja akkużi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba t-tmexxija awtoritarja tiegħu, Fujimori kien instab ħati wkoll ta’ korruzzjoni lampanti. Fil-Brażil, l-istess “issue” kkontribwiet bil-kbir għall-attakk fuq il-President Rousseff li wassal biex titneħħa mill-kariga.

    Fiċ-Ċina fl-aħħar snin, it-tmexxija attwali tal-Partit Komunista mexxiet kampanja bla nifs kontra l-korruzzjoni fil-fergħat kollha tal-istat.

    Sadattant fl-Ewropa, għat-tieni kampanja elettorali fi Spanja fi żmien sitt xhur, wara li kkawżat dannu kbir fil-partit tal-popolari li kien fil-gvern, issa dannu simili qed isir fil-kamp tas-soċjalisti. Minkejja li fl-aħħar snin kienu fl-oppożizzjoni, qamu akkużi ġodda ta’ korruzzjoni fi tmexxija reġjonali li kienet taħthom.

    Hemm żewġ raġunijiet li jispjegaw l-importanza politika ta’ dawn l-iżviluppi.

    It-teżoreriji tal-istati ma jistgħux jibqgħu jittolleraw it-telf enormi ta’ fondi li qed tiswielhom il-korruzzjoni; fi żminijiet ta’ awsterità, meta ċ-ċittadini qed jintalbu jagħmlu s-sagrifiċċji, min jitlobhom jagħmlu hekk waqt li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni, iqajjem kontrih korla popolari enormi.

     

    ***

    Monumenti

    Hu sinjal ieħor taż-żminijiet li l-monument tas-Sette Giugnio spiċċa bla “dar” permanenti. Il-gvern qiegħed jagħmel “konsultazzjoni” publika biex jara fejn jista’ jitpoġġa.

    Ftit ilu kont ktibt hawn kif intilfet ħafna mit-tifsira li sa snin ilu kienet tingħata lill-anniversarji storiċi u politiċi ta’ pajjiżna. Inparti l-fenomenu hu wieħed ta’ postmoderniżmu “popolari” fejn kull ħaġa li għandha tifsira qawwija saret marbuta mal-kontemporanju u mal-kummerċjalizzazzjoni. Dan qed iwassal għal indifferenza lejn l-istorja. Fejn jinħoloq xi interess fiha, dan malajr jiġi banalizzat.

    Jista’ jkun li inparti wkoll, il-ħtija hi tas-sistemi edukattivi tagħna li mhumiex irawmu kuxjenza soda dwar l-identità tagħna u l-wirt storiku tal-pajjiż.

     

    ***

    Bil-Malti, bl-Ingliż

    X’aktarx li hu mit ieħor dak li bħala poplu, il-Maltin għandhom xi maestrija partikolari tal-Ingliż. Veru li hawn persentaġġ minnhom li draw jitkellmu biss bl-Ingliż; kif wera stħarriġ pubblikat dan l-aħħar, mhix daqshekk ħaġa ċara li kollha kemm huma jafu mbagħad jiktbu tajjeb bl-Ingliż.

    Bl-istess mod, anki ħafna minn dawk li jitkellmu bil-Malti ma jafux jiktbuh tajjeb; waqt li jekk qatt ingħataw tagħlim serju fil-grammatika tal-lingwa, malajr fitxxew li jinsewh.

    Il-periklu mhux x’jiġri jekk l-Ingliż jiġi mgħallem bħala l-ewwel jew it-tieni lingwa, imma jekk aħniex se nispiċċaw defiċjenti fid-diskors u fil-kitba, kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. Jew li nkomplu niżviluppaw forom ta’ espressjoni u kitba li jkunu bbastardjati bejn it-tnejn.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0