Kera u komuniżmu

  • Ġun 10, 2016 07:00
  • Miktub minn Charles Miceli

     

    Nibda bi kwotazzjoni tal-mibki Isqof Kattoliku Brażiljan Helder Camara (1909-1999). Isqof li kien wieħed minn dawk favur it-Teoloġija tal-Libertà u ma kienx jibża’ jidħol f’kontroversji.

    Bħal meta kkritika lill-Papa Pawli VI dwar il-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja fuq il-kontraċezzjoni, jew inkella meta ħareġ favur li dik il-parti mill-koppja li tiġi abbandunata mill-parti l-oħra għandu jkollha dritt terġa’ tiżżewweġ.

    Imma l-punt li nixtieq nagħmel f’din il-kitba jiċċentra dwar il-kwotazzjoni famuża ta’ Camara: “Meta nagħti l-ikel lill-fqar jgħiduli qaddis imma meta nistaqsi għaliex il-fqar m’għandhomx ikel jgħiduli komunist.”

    Kera

    B’sogru kbir li jerġgħu jgħidu li jien komunist u qed inxerred din id-duttrina, minkejja li fl-istess waqt isostnu li l-ideoloġiji mietu, xtaqt ngħid xi ħaġa dwar il-kera. Waħda mill-pjagi ewlenin li qed titfa’ lin-nies fil-faqar.

    Nagħmilha ċara li fortuntament f’pajjiżna għandna mas-70 fil-mija tan-nies li huma sidien ta’ darhom. U allaħares ma kienx hekk. Imma mbagħad hemm oħrajn li huma kostretti li jidħlu fil-kera.

    Minn meta l-kera ġiet dekontrollata u ħallejna s-suq isuq, ċerti kirjiet splodew. Imma l-pagi baqgħu lura. Għalhekk nisimgħu stejjer ta’ familji jew individwi li nofs id-dħul tagħhom jew aktar imur għall-kera ta’ biċċa appartament.

    Regolarizzazzjoni

    Għalhekk fl-istess waqt li l-ekonomija qed tikber, qed naraw nies li jissallbu biex ilaħħqu mal-kera. U dawn in-nies, billi d-dħul tagħhom huwa limitat, qatt mhu se jirnexxilhom jieħdu ‘loan’ mill-bank biex xi darba jkunu sidien ta’ darhom.

    Issa, filwaqt li naċċetta d-dritt għall-proprjetà privata, fl-istess ħin ma nistax ninsa d-dritt l-ieħor li kulħadd jgħix ħajja diċenti. U għalija impossibbli tgħix ħajja diċenti jekk wara li tħallas il-kera lanqas jifdallek flus biex tixtri l-bzżonnijiet bażiċi l-oħra.

    Għalhekk inħoss – u mhux waħdi – li xi ħaġa trid issir. U meta ġejt mistoqsi mill-gazzetta “Illum” x’naħseb dwar il-proposta tal-Forum Komunità Bormliża biex ikun hemm xi tip ta’ kontroll fuq kera, għedt b’wiċċi minn quddiem li din il-proposta għandha tal-anqas tiftaħ diskussjoni dwar dan is-suġġett.

    Komplejt ngħid li rridu nibdew niddiskutu jekk għandniex inħallu s-suq isuq jew nagħmluh aktar uman.

    Diskors li darras lil numru mhux ħażin ta’ nies.

    Is-suq

    Ħafna jaħsbu li s-suq huwa baqra sagra u ħadd m’għandu jmissu. Ovvjament wieħed irid joqgħod attent li ma joqtolx l-inċentivi ta’ dawk li lesti li jinvestu flushom. Iżda mill-banda l-oħra, meta tara li l-ftit qed dejjem jiħxienu u l-ħafna dejjem jaqgħu lura, ma tistax tibqa’ ċass.

    U l-gvern, ikun min ikun, għandu d-dmir li jara li kulħadd, b’xi mod, jgħix ta’ bniedem. L-aktar jekk nemmnu fil-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress tal-aktar dgħajfa fost il-membri tagħha.

    Mhux qed ngħid kif. Qed ngħid biss li m’iniex kuntent b’din is-sitwazzjoni u xi ħaġa trid issir. Għalhekk tajjeb niddiskutu, nanalizzaw u finalment niddeċiedu. Fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Tas-sidien u tal-inkwilini. Għax ħadd mhu għar-rimi.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3

  •  
    John SMith
    Ġun 12, 2016

    Din tal-kera sikkina taqta' minn zewg nahat izda' jidher li hawn min qed jitlob prezz li hu gholi wisq ghal min qed jipprova jghix bil-paga minima jew anke inqas. Jehtieg soluzzjoni mill-iktar fis din kwistjoni ta' ghixien baziku.

    Irrispondi
  •  
    John SMith
    Ġun 12, 2016

    Din tal-kera sikkina taqta' minn zewg nahat izda' jidher li hawn min qed jitlob prezz li hu gholi wisq ghal min qed jipprova jghix bil-paga minima jew anke inqas. Jehtieg soluzzjoni mill-iktar fis din kwistjoni ta' ghixien baziku.

    Irrispondi
  •  
    John SMith
    Ġun 12, 2016

    Din tal-kera sikkina taqta' minn zewg nahat izda' jidher li hawn min qed jitlob prezz li hu gholi wisq ghal min qed jipprova jghix bil-paga minima jew anke inqas. Jehtieg soluzzjoni mill-iktar fis din kwistjoni ta' ghixien baziku.

    Irrispondi