XATBA

  • Ġun 09, 2016 07:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuq il-globalizzazzjoni li ilna nġarrbu tul l-aħħar tliet deċennji, aktar nikkonvinċi ruħi li kif qed issir, hu żball.

    Fil-prattika, il-mod li bih l-ekonomija dinjija qed issir “globalizzata” xejn mhu trasparenti. Qed jiġbed bla waqfien lejn l-interessi tal-kumpaniji multinazzjonali l-kbar.

    Agħar minn hekk, il-proċess qed ikun wieħed li “jimxi waħdu” – bla prinċipji jew impenn soċjali. L-aqwa li s-suq isuq – la jagħmilha fuq skala nazzjonali, għandu jagħmilha fuq skala kontinentali. U aktar minn hekk, fuq skala dinjija.

    Il-globalizzazzjoni ma tistax titreġġa’ lura. Imma bħal ma jsir fit-trażżin u fl-użu tax-xmajjar għat-trasport, jeħtieġ jinbnew aktar minn xatba waħda biex jiggwidaw u fejn hemm bzonn, jikkontrollaw il-kurrenti mgħaġġla żżejjed tagħha.

    ***

    Investimenti industrijali

    Ftit nisimgħu dwar il-qagħda tal-investimenti industrijali fil-pajjiż, kemm dawk li ilhom stabbiliti fostna, kemm dawk ġodda. Minn naħa hi ħaġa tajba li tinzamm diskrezzjoni dwar li jkun għaddej f’dal-qasam.

    Fiż-żmien meta kelli x’naqsam mal-prekursur ta’ First Enterprise, il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, mhux darba kelli nrażżan it-tentazzjoni tal-kollaboraturi tiegħi biex kull bidu ta’ negozjati għal investiment ġdid, jagħmluh fatta u jħabbruh triomfalment. Fil-fatt, ħafna mit-“trijojfi” baqgħu ma seħħux.

    Madankollu, li perjodikament jingħata rendikont tal-qagħda attwali tal-industrija Maltija, ikun eżerċizzju siewi għal kulħadd; sakemm isir b’mod realistiku u bla blaff.

    ***

    Għamel tajjeb?

    Għamel tajjeb Bernie Sanders, il-kandidat Demokratiku għall-Presidenza li baqa’ jsostni l-isfida tiegħu sal-aħħar fil-Kalifornja, minkejja li kellu ċ-ċertezza “matematika” li mhux se jkollu biżżejjed delegati? U dan minkejja li fi primarja wara l-oħra, irnexxielu jegħleb lil Hilary Clinton.

    Hi ħaġa interessanti u għalija tajba fil-qafas politiku Amerikan li bniedem li dejjem ipproklama ruħu “soċjalista”, wasal sa hawn. Sa ftit ilu, min kien jobsorha?

    Biss sa fejn waslu l-affarijiet issa, b’Donald Trump bħala r-rappreżentant tar-Republikani, sar vitali li l-elezzjoni presidenzjali tintrebaħ mid-Demokratiċi. Il-fatt li Sanders kompla jikkontesta sal-aħħar sostna s-sens ta’ firda fosthom. Veru li numru sostanzjali tal-votanti Democratiċi ta’ Sanders qed jgħidu li fl-aħħar mill-aħħar, jekk tgħaddi Clinton jivvotaw għaliha.

    Imma l-ġirja wara l-voti, speċjalment lejn l-aħħar ta’ kampanja, tiġġenera irritazzjonijiet u piki kbar. Kollox juri, dejjem sa issa, li mhux bilfors rebħa fuq Trump se tkun inevitabbli (Sanders innifsu qed jgħid li hu biss, mhux Clinton, jista’ jirbaħlu). Id-Demokratiċi jaf ikunu jridu joħorġu l-votanti kollha tagħhom biex jaslu.

    Jekk l-isforz biex dan isir ma jkunx komplet, preċiżament għax nies ta’ Sanders iħossuhom imdejqa u jibqgħu lura, tista’ tinqala’ problema.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0