STRAJKIJIET FI FRANZA

  • Ġun 02, 2016 07:09
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fl-aħħar jiem, qlielu l-istrajkijiet fi Franza. L-inkwiet soċjali hemm ilu jinħema. Issa ħa n-nar wara li l-gvern iddeċieda li jgħaddi liġi dwar ir-“riforma” tas-suq tax-xogħol, b’digriet għax kienet se teħel fil-Parlament.

    L-unjins qalu li l-liġi qed timmina d-drittijiet tal-ħaddiema billi tagħmel l-ingaġġ u t-tkeċċija tagħhom eħfef għas-sidien. Il-gvern argumenta li b’dal-mezz, is-sid se jitħajjar jimpjiega aktar ta’ spiss u aktar ħaddiema. Illum joqgħod lura biex jevita l-piżijiet li jkollu jibqa’ jġorr jekk impjieg isir żejjed. 

    Ironikament, hu gvern soċjalista li qed idaħħal dil-liġi. Uħud jiftakru kif il-gvern soċjal-demokratiku Ġermaniż ta’ Schroeder kien daħħal sensiela ta’ miżuri tal-istess tip xi tlettax-il sena ilu. Rajt dimostrazzjonijiet tal-ħaddiema kontrihom fi Frankfurt.

    Schroeder ippersista. Tilef l-elezzjoni ta’ wara. L-ekonomija Ġermaniża stejqret qatigħ. Minn dak iż-żmien, il-kanċellier tal-Ġermanja dejjem kienet maħtura mill-partiti tal-lemin. 

    Is-soċjalisti Franċiżi qed jissograw li tmisshom l-istess xorti?

    ***

    Proġetti kbar

    Għandhom punt dawk li qed isostnu li t-tħabbir ta’ ħafna proġetti kbar f’salt mhux bilfors ħaġa tajba. U l-istess jekk it-twettiq tagħhom ukoll isir fl-istess żmien. 

    Politikament jistgħu jagħtu sentiment ta’ ottimiżmu -- il-fattur “feel good”, għalkemm niddubita kemm dan għadu jaħdem wara l-frejjeġ bħall-proġett ta’ Smart City, fost oħrajn. 

    Hemm il-punt madankollu li ġieli jitħabbru proġetti kbar biex ikunu tħabbru u wara xi żmien jintesew.

    Biex tgħaxxaqha, x’aktarx li m’għandniex min hu teknikament imħarreġ u oġġettiv biżżejjed biex jifli l-impatt ta’ proġetti hekk ħalli nifhmu sew minn qabel x’konsegwenzi se jġibu magħhom.

    Kieku possibbiltà bħal din kienet teżisti, forsi konna nevitaw diżastri bħal ta’ Chambrai u ta’ Tigne li tarahom biss, iqanqlulek sens ta’ mistħija.

    ***

    Leħen is-Sewwa

    Kien ili snin twal ma naqraha. Dil-ġimgħa fettilli nixtri kopja tal-“Leħen is-Sewwa” li issa qed tinbiegħ ukoll mingħand tal-gazzetti. Kellha produzzjoni pulita b’konċentrament fuq rapporti dwar attivitajiet ekkleżjastiċi, kif ukoll numru ta’ artikli li jittrattaw aspetti morali u soċjali tal-ħajja tal-lum. 

    Imkien ma sibt l-ispirtu aspru u polemikuż li niftakar fil-“Leħen is-Sewwa” li kont naqra għand nannti fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

    L-aktar ħaġa li ddiżappuntatni kienet din: niftakar tajjeb il-gwida li kienet tiġi pubblikata f’dak iż-żmien dwar il-films li kienu ħarġu għall-wiri,  bl-ispjega ta’ għaliex il-films kienu jingħataw klassifika minn tajjeb għal kulħadd -- għal adolexxenti -- għall-kbar biss -- għall-kbar b’riżerva -- għal ħażin għal kulħadd. 

    L-aktar li kienu jinteressawni bħala tifel kienu l-ispjegi dwar films ikklassifikati fl-aħħar kategorija. 

    Imma l-“Leħen is-Sewwa” tal-lum m’għadux jippubblika gwidi tal-films!

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0