FAQAR

  • Mej 30, 2016 07:16
  • Miktub minn Alfred Sant

    Wieħed mill-akbar fallimenti tal-Ewropa hu fil-qasam tal-faqar... jekk “qasam” hi kelma tajba biex infissru fejn tinsab il-problema. Fil-miri li l-Unjoni Ewropea ssettjat għas-sena 2020, hemm wieħed li bl-aktar mod lampanti mhux se tilħqu. Tgħid dan l-istess Kummissjoni Ewropea.

    Mhux talli mhux se tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-faqar sas-sena 2020, talli l-faqar se jkun żdied fuq il-livell li minnu kienu telqu biex ipoġġu l-miri.

    Tista’ targumenta kif lill-fqar, malajr tista’ tinsihom jekk tpoġġihom f’kexxun soċjali u tassigura li ma jmutux bil-ġuħ. Biss, il-mira għandha tkun li lill-fqar tagħtihom il-mezzi biex jeħilsu mill-faqar.

    Hi ħaġa ċara li mingħajr l-intervent massiċċ tal-istat, il-faqar ma jistax jitrażżan, wisq anqas jinqered. L-istat ma jistax jibqa’ lura kemm biex jipprovdi għall-ħarsien kontra l-faqar, u kemm biex jikkontrolla lill-impriżi l-kbar u lill-għonja milli jaraw kif ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom. Fl-Ewropa bħalissa il-foqra żdiedu bil-miljuni, u l-iskansar minn taxxi li suppost jitħallsu laħaq il-għexieren ta’ biljuni.

    ***

    Uġigħ

    F’kungress miġbur f’lukanda ta’ Brussell, iltaqgħu għaqdiet professjonali u volontarji biex jiddiskutu l-problema tal-uġigħ u tal-kura tiegħu. Skont huma, jista’ jiġi mument f’ħajja ta’ bniedem meta l-uġigħ li jkun għadda u għaddej minnu minħabba xi marda qalila, jispiċċa jsir kroniku.

    F’dal-mument, minnu nnifsu, isir marda. Irid jiġi ttrattat bħala tali.

    L-għaqdiet qed jagħmlu ħilithom biex iwasslu dan l-għarfien fost tobba, infermiera, kumpaniji li jipproduċu d-duwa u fost mexxejja biex idaħħlu l-kunċett fit-tmexxija tas-saħħa publika.

    Stednuni nagħlaq il-kungress tagħhom peress li bil-qbil tal-gvern Malti, se jkunu qed jorganizzaw dak tas-sena d-dieħla f’Malta.

    Milli smajt u qrajt dwar il-ħidma li qed issir f’dal-qasam, nemmen li jixirqilhom l-akbar appoġġ.

    Dan l-aħħar innotajt kif peress li fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, Malta se tkun fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, professjonisti u attivisti fil-qasam tas-saħħa Ewropea, ikkontattjaw lil deputati Ewropej minn Malta biex ifittxu appoġġ għal ħidmiethom.

    Hu privileġġ għalina li nagħtuhom dan l-appoġġ la huma jqisuh bħala daqstant siewi.

    ***

    Tribali

    Jekk se ngħidu l-affarijiet kif inhuma, ftit hemm lok biex ma taċċettax il-konklużjoni li għadna mmexxu l-politika fostna fuq linji tribali.

    Din mhux bilfors ħaġa ħażina, għalkemm issa wasslet biex il-kontroversja politika ma ddurx aktar madwar għażliet ideoloġiċi, daqskemm dwar għażliet bejn persuni.

    Bħal fil-futbol.

    Tista’ żżomm man-Napoli jew mad-Dortmund u l-aqwa kontroversja tippernja fuq kemm huma tajba l-plejers, u kemm lagħbu tajjeb jew ħażin.

    Tan-naħa tiegħek tgħollihom m’ogħla s-smewwiet; tal-oħrajn tarahom dubbien.

    It-tribujiet tal-politka fil-fatt saru jixbhu ħafna lil dawk tal-isport kummerċjali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0