IL-KUMMISSJONI EWROPEA FUQ MALTA

  • Mej 26, 2016 07:49
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea għamlet fuq it-tmexxija ekonomika ta’ Malta huma interessanti. Jorbtu mal-istruttura ekonomika li għandna llum u kif din tiġġenera jew ma tiġġenerax biżżejjed investiment; u ma’ kif qed jirnexxielna jew le inżidu fost il-popolazzjoni tagħna ħiliet tekniċi u oħrajn meħtieġa biex l-ekonomija tibqa’ tiżviluppa b’rata qawwija.

    Ekonomija bbażata fuq is-servizzi bħal ma saret tagħna għandha anqas muturi li joħolqu investiment peress li s-servizzi minnhom infushom jeħtieġu anqas infrastrutturi materjali biex iżommuhom għaddejja. Jiġifieri se jkun hemm tendenza f'ekonomija tas-servizzi biex l-investimenti fi proġetti "materjali" jispiċċaw limitati.

    Biex tpatti għal dan, tkun meħtieġa nefqa effettiva... jew aħjar investiment siewi... fl-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nies. Wara kollox, se jkun id-dehen u l-għerf tagħhom li joħloq il-ġid fil-qasam tas-servizi.

    L-analiżi li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ li qed jingħata fostna jindika li n-nuqqasijiet għadhom kbar. Minflok inwarrbu din il-kritika bħala esaġerata, naħseb li nagħmlu tajjeb jekk neħduha bis-serjetà u naraw kif se nilqgħu għaliha bil-fatti. 

    ***

    Air Malta

    Mhux ta' b'xejn li xterdet ċerta ansjetà dwar il-futur tal-Air Malta. Wasalna lejn l-aħħar tal-proċess li bih kellha tiġi "salvata". Ilu jintqal li soluzzjoni kellha tinstab billi fil-kumpanija jidħlu interessi ġodda, b'kumpanija tal-ajru tagħhom, li jkunu jistgħu jiftħulna perspettivi ġodda.

    Għal żmien, issemmiet il-kumpanija tal-Golf, l-Etiħad. Issa intqal li ftehim tal-bidu sar mal-Alitalia, li fl-aħħar snin, sehem qawwi minnha nxtara mill-Etiħad. 

    Jekk il-ftehim jimxi 'l quddiem, il-mod li bih topera l-Air Malta jkollu jinbidel mill-qiegħ. Dan kien se jiġri, jidħol min jidħol fil-linja tal-ajru. Barra minn hekk, se jerġa' jkun hemm tnaqqis fil-ħaddiema. Dil-ħaġa tkun trid titmexxa b'mod ġust.

    Fuq kollox, jibqa' jħuf il-biża' jew is-suspett li anki dak li se jkun qed isir, bis-sagrifiċċji li jġib miegħu, mhux se jkun biżżejjed.

    L-Air Malta tinsab fl-aktar fażi delikata ta' ħajjitha.

    ***

    Fl-Awstrija

    Ftit aktar minn 30,000 vot jifirdu lil min rebaħ l-elezzjoni presidenzjali tal-Awstrija, ambjentalista anzjan, minn dak li tilifha, politikant ta' mezz'eta, mil-lemin estrem. 

    Għalkemm ix-xokk politiku kien qawwi, il-biċċa kienet ilha mistennija. Dalwaqt kandidat tal-lemin estrem fl-Ewropa tal-"punent" se jasal biex jirbaħ sew elezzjoni demokratika: dak hu l-biża'.

    Ma nistagħġibx jekk jiġri hekk. Fl-aħħar snin, il-partiti l-kbar, tax-xellug u l-lemin, naqsu li jindirizzaw b'mod li jiftiehem, l-isfidi u l-problemi tal-elettorati tagħhom. Quddiem id-dwejjaq dejjem jiżdied tal-elettorati baqgħu jirrepetu litaniji politiċi qodma. Ma ndunawx, jew għamlu tabirruħhom ma ndunawx, li ħadd ma ried jemmen fihom aktar.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook