RAPPORTI TAL-AWDITUR

  • Mej 09, 2016 06:53
  • Miktub minn Alfred Sant

    Jistħoqqilha tifħir l-inizjattiva tal-gvern li wara li jirċievi r-rapport tal-awditur dwar il-kontijiet pubbliċi tas-sena, idur mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport u jara kif se jwettaqhom. Imbagħad joħroġ rapport dwar dat-twettieq, bi spjega meta ma jaċċettax xi waħda jew l-oħra mir-rakkomandazzjonijiet. B’dal-mod, il-kontabilità u t-trasparenza fit-tmexxija publika jissaħħu.

    Ir-rapport tal-awditur hu għodda importanti fil-kontroll tal-amministrazzjoni tal-istat. Jikkonċentra l-aktar fuq jekk il-ħidma tal-gvern hijiex issir skont ir-regolamenti finanzjarji. Din hi mira importanti.

    Imma għandha l-limitazzjonijiet tagħha. Twassal pereżempju biex parti sostanzjali tar-rapport issegwi formola ritwalistika miruta minn żminijiet oħra li kellhom esiġenzi differenti. B’riżultat, issir diskussjoni wiesgħa fuq oqsma ta’ ftit importanza llum, waqt li oqsma aktar kruċjali kważi jiġu injorati.

    Fuq kollox, ir-rapport tal-awditur rari jistaqsi l-mistoqsija jekk proċedura jew oħra hijiex effettiva u tassew meħtieġa; jew hijiex tikkawża ħala ta’ ħin u riżorsi.

    ***

    Mat-Turkija

    M’ilux li telaq imma l-ftehim dwar l-immigrazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija diġà qed jolqot l-iskolli. It-tluq tal-Prim Ministru Tork Davutoglu xejn mhu sinjal tajjeb; miegħu, l-Ewropej kienu jmorru tajjeb u forsi għalhekk kellu jitlaq.

    Mal-President Tork Erdogan isibuha ħafna aktar diffiċli li jingwalawha: laqgħa bejnu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker u l-President tal-Kunsill Ewropew Tusk fil-bidu tan-negozjati dwar il-ftehim spiċċat f’diżastru ta’ tilwim. Biex in-negozjati jkomplu, kellu jidħol Davutoglu li mexxa d-diskussjonijiet flimkien ma’ Frans Timmermans, viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea.

    Biss il-problemi mhumiex jinqalgħu biss min-naħa Torka. Fil-Parlament Ewropew qed jinġemgħu kurrenti qawwija kontra l-ftehim. Għad jaslu biex f’vot dwaru, ir-riżultat jibqa’ inċert sal-aħħar.

    Il-mexxejja attwali tat-Turkija, b’Erdogan fuq quddiem nett, iqajmu antipatija kbira kontra tagħhom. Imma l-istess ħaġa tinħass min-naħa tat-Torok lejn l-Ewropej.

    Xorta waħda, iż-żewġ naħat għandhom bżonn ta’ xulxin, minkejja s-suspetti u l-akkużi li qed jifirduhom.

    ***

    Leicester & Juventus

    Għalkemm wieħed minn dawk li jsegwu l-logħob tal-ballun pjuttost mill-bogħod, kont ukoll fost dawk li ħadu ħafna gost li l-kampjonat Ingliż intrebaħ minn Leicester. Ir-rebħa ta’ min hu ”dgħajjef” fuq min hu ”qawwi” dejjem jixirqilha ċelebrazzjoni.

    Aktar minn hekk, tikber it-tama li la l-Leicester waslu fejn waslu, ħaddieħor jista’ jagħmel l-istess. Pereżempju l-Wolverhampthon Wanderers li minn meta kienu Champions fil-futboll Ingliż u bħalha tifel kont inżomm magħhom, issa saru tim minsi u medjokri.

    Imma la wasal il-volpi, għaliex il-lupu ma jasalx?

    Sabiħa wkoll kienet ir-rebħa mill-Juventus tal-kampjonat Taljan għall-ħames darba wara l-oħra. Dnub madankollu li minħabba għażla ta’ tattika ħażina f’partita waħda, il-Juventus inqalgħu mill-kompetizzjoni għat-tazza Ewropea. Dis-sena kienu tajba biżżejjed biex jirbħuha.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook