DATI

  • Mej 05, 2016 09:52
  • Miktub minn Alfred Sant

    Sa ftit tas-snin ilu, id-drawwa kienet li d-dati tas-sena li jikkomemoraw okkażjonijiet politiċi u nazzjonali kbar jagħtu spunt ukoll għal diskorsi ta’ tifkira.

    Veru li kienet tinħass bħala ritwal (kif kienet) għat-tennija ta’ stqarrijiet x’aktarx stereotipati. Imma dawn iċ-“ċerimonji” kien jservu wkoll biex jasserixxu kontinwità mal-imgħoddi.

    Jidhirli li naqsu sew fl-aħħar snin l-aċċenni ta’ kontinwità. Dwar l-indipendenza, dwar il-ħelsien, dwar ir-repubblika, dwar jum il-ħaddiem, anki dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-preżentazzjoni politika tikkonċentra fuq x’jista’ jxaqleb lejn qafas kontemporanju. 

    Wieħed jifhem għaliex dan jiġri. L-orizzonti quddiem iċ-ċittadini tal-lum resqu dejjem aktar qrib tal-“issa” u tal-“hawn”. Il-firxa tal-midja soċjali kompliet issaħħaħ dan l-iżvilupp.

    Biss m’għandniex inwarrbu għalkollox id-dimensjoni storika ta’ dak li nkunu qed nikkommemoraw. Il-bniedem hu magħmul mill-memorji. Li l-istorja ta’ familtu, ta’ pajjiżu, tal-Ewropa ma tibqax tiftiehem mill-bniedem modern jista’ jkun żvilupp perikoluż.

    ***

    Deputati

    Il-Partit Laburista għandu bżonn ta’ żewġ deputati mexxejja? Wieħed mhux biżżejjed? 

    L-istess mistoqsija tgħodd għall-PN, la fl-aħħar snin adotta l-istess struttura.

    L-arranġament ta’ żewġ deputati mexxejja kien iddaħħal fl-MLP fit-tieni nofs tas-snin sebgħin, meta kienu qed isiru manuvri u kalkoli elaborati dwar kif se ssir is-suċċessjoni tal-mexxej ta’ dak iż-żmien. Minn “soluzzjoni” adatta għal mument wieħed, spiċċajna b’istituzzjoni li għadha titħaddem sal-lum. 

    Jidher li anki l-PN daħħalha fl-istrutturi tiegħu biex jilqa’ għal kontinġenzi politiċi interni.

    Fil-verità deputat mexxej wieħed biżżejjed, bi struttura li tinkludi President jew Segretarju Ġenerali elettiv li jikkonċentra fuq l-oranizzazzjoni politika tal-partit. 

    F’das-sens, l-aktar timijiet politiċi effettivi ta’ partit fl-istorja politika moderna tagħna kienu b’deputat mexxej wieħed: tal-Partit Laburista bejn l-1966 u l-1971 u tal-PN bejn l-1977 u l-1981.

    ***

    Servizzi finanzjarji

    Ħa nirrepeti: l-iskandlu tal-Panama se jkollu impatt differenti minn tal-Luxleaks. 

    Fil-mira did-darba se jkunu s-servizzi finanzjarji mfassla għal persuni “sinjuri” jew kumpaniji relattivament ċkejkna. Huma s-servizzi finanzjarji li Malta speċjalizzat fihom fl-aħħar snin. 

    L-oqsma kbar li se jitqiesu mill-investigaturi politiċi, ekonomiċi u polizjeski huma dawk tal-ħasil tal-flus ta’ kull tip, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-finanzjament okkult permezz tal-korruzzjoni, tal-hekk imsejjaħ “brokerage” u tas-self tal-identitajiet. 

    Veru li matul is-snin, il-mudell finanzjarju li ġie żviluppat f’pajjiżna kien wieħed mill-aktar strett, imqabbel ma’ dak tal-Panama, ngħidu aħna. 

    Imma l-aspettattiva se tkun, speċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li r-regoli jridu jsiru ħafna aktar stretti. Il-qasam tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna jrid iħejji minn issa biex jilqa’ b’mod qawwi u korrett għall-esiġenzi ġodda ta’ rapportaġġ u trasparenza li se jibdew jinħolqu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0