Ħwejjeġ maħmuġin

  • Mej 05, 2016 09:50
  • Miktub minn Charles Miceli

    Fuq il-Panama Papers intqal iżżejjed. Anke jekk forsi mhux biżżejjed. U naħseb li jibqa’ jintqal. Din hija arma f’idejn l-Oppożizzjoni. U mhix se ċċediha kif ġieb u laħaq.

    Imma jien illum xtaqt nikteb fuq xi ħaġa ftit differenti, għalkemm hemm ċerta relazzjoni.

    Xtaqt naqbad il-kliem fuq jekk partit, hu liema hu, għandux jaħsel il-ħwejjeġ maħmuġin barra. Akkuża li saret lil xi esponenti ewlenin tal-Partit Laburista wara li wrew thassib dwar kif saru l-affarijiet f’din il-kwistjoni. Akkuża li kienet issir lil xi esponenti tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni fuq kwistjonijiet oħra ta’ governanza.

    Ma naħsibx li hemm għalfejn noqgħod insemmi ismijiet. Imma nħoss li dan huwa suġġett importanti, għalkemm delikat. U għalkemm jien m’iniex l-aktar bniedem adattat biex nitkellem fuq das-suġġett, xtaqt sempliciment – dejjem jekk hu possibbli - nibda naqra ta’ diskussjoni dwaru.

    Tribujiet

    Minkejja li wara l-elezzjoni kien jidher li l-politika taż-żewġ tribujiet kienet qalgħet daqqa mortali, naqra naqra rġajna morna lura. Lura għas-sistema li kulma jagħmel il-partit li nappoġġja huwa eċċellenti u kulma jagħmel il-partit l-ieħor huwa ħażin pessmu.

    Dikotomija kompleta. Sitwazzjoni tal-biki li żgur ma tgħinx biex ikollna diskussjoni razzjonali u ċivili. Biex ilkoll flimkien, anke jekk ma naqblux, naraw x’inhu l-aħjar għal din il-komunità żgħira li tgħix fuq dawn iż-żewġ blatiet.

    Issa fi stat ta’ gwerra veru li kif tgħid kelma ta’ kritika għan-naħa tiegħek tiġi ttimbrat bħala traditur. Quesling. Jew ma nafx x’aktar. Imma aħna qed ngħixu fi stat ta’ gwerra?

    U min jiddarras għax jien nikkritika kostruttivament lill-partit li nissimpatizza miegħu mhux qed jgħin biex isaħħaħ il-firda? Biex jitfa’ t-tiben fuq in-nar tal-mentalità ta’ aħna u huma?

    U min jakkużani li qed naħsel il-ħwejjeġ maħmuġin barra, awtomatikament mhux qed jammetti li hemm il-ħwejjeġ maħmuġin?

    Sfortuna

    L-isfortuna hija li minkejja kollox, hemm wisq interessi biex Malta tkun veru tagħna lkoll. Wisq aġendi moħbija biex ilkoll inkunu aħwa Maltin.

    Iżda l-fortuna hija li dan il-pajjiż mhux magħmul min-nagħaġ u l-bdabad biss. Mhux magħmul biss mir-robots u dawk li lesti joħorġu lsienhom biex jilagħqu. Mis-sangisugi u l-boloh.

    Fuq iż-żewġ naħat tal-ispektrum politiku hemm nies ta’ stoffa. Hemm nies li jaħsbu b’moħħhom. Hemm nies li jistgħu jagħtu kontribut siewi.

    U l-mexxejja taż-żewġ partiti jagħmlu sew jekk jisimgħu aktar lil dawk fil-partit tagħhom stess li lesti jkunu kritiċi milli lil dawk li qegħdin hemm biss biex iċapċpu.

    U l-partit, hu liema hu, aktar jidher kredibbli meta minn ġo ħdanu stess ikun hemm ilhna varji. Ilħna diversi. Ilħna li jagħmlu d-diskussjoni aktar rikka. Aktar interessanti. Aktar intelliġenti.

    Għax hawnhekk la aħna l-Korea ta’ Fuq u lanqas l-Istat Iżlamiku.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0