ĊINIŻMU

  • Apr 28, 2016 09:15
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ħabib tiegħi jista’ qed ikun ċiniku wisq. Imma araw kif jirrispondi għall-kummenti li għamiltlu.

    Ċerti nies jistqarru li jinsabu tajjeb biżżejjed fil-ħajja; imbagħad issibhom lesti biex iduru mal-lewża ħalli jiffrankaw u jmeximxu aktar.

    Tweġiba: Aktar ma jkollok, aktar tkun trid. U ħallik mill-kantunieri.

    Il-kultura ta’ ħokkli dahrek ħalli nħokklok tiegħek hi qawwija wisq. Qed tagħmel deni kbir lil pajjiżna.

    Tweġiba: Bil-maqlub: hi l-aqwa konkos li jorbot is-solidarjetà soċjali bejnietna. Tmur lil hinn mit-tellieqa partiġġjana. Tipprovdi fus biex jekk l-affarijiet ma jixmux kif għandhom jimxu bil-kelma t-tajba, jimxu bil-blackmail.

    L-Ewropa qed tgħin biex indaħħlu imġiba aktar korretta fit-tmexxija tal-affarijiet publiċi u kummerċjali.

    Tweġiba: Niddubita. Aktar qed tagħtina xhieda li aħna għandna d-dnubiet tagħna veru, u ħaddieħor għandu tiegħu.

    Dnub jekk l-għażliet quddiem il-poplu tagħna... quddiem il-popli Ewropej... jibqgħu jirreduċu ruħhom għal għażliet bejn forom differenti ta’ ċiniżmu.

    ***

    Preżentazzjoni

    Nifhem u naqbel ma’ kif fil-preżentazzjoni tax-xena kontemporanja Maltija kemm barra u kemm fostna, l-emfażi jitpoġġa fuq dak li hu kontempranju u “ġdid”. Hekk għandu jkun.

    Min-naħa l-oħra naħseb li jkun żball jekk l-elementi tradizzjonali u pittoreski tal-ħajja Maltija, mitlufa u minsija kemm huma fil-mod kif ngħixu llum, jitpoġġew għal kollox fil-ġenb.

    Veru li saru sterejotipati u zokkrin wisq fil-mod kif jintwerew. Biss, għal min se jarahom għall-ewwel darba, għandhom ċertu faxxinu. Il-mod popolari – repetittiv u monotonu għal min ilu jarahom – jista’ jinħass “ġdid” minn barranin – viżitaturi uffiċjali u turisti.

    Fil-mod kif nippreżentaw lil pajjiżna, kulturalment u soċjalment, l-emfażi fuq il-ħajja tal-lum għandu jkun ċentrali; imma għandu jitħalla spazju wiesa’ biżżejjed għall-kommemorazzjoni “zokkrija” tal-imgħoddi.

    ***

    Standards doppji

    Wieħed mill-aqwa difetti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hu li tapplika standards doppji. Il-mod kif ġabet ruħha qabel l-2013... u kif baqgħet iġġib ruħha issa... jagħti xhieda ta’ mġiba fejn min jitfa’ l-ġebel donnu ftit jimportah li qed jagħmel hekk minn ġo dar tal-ħġieġ.

    Esponenti tal-PN juru ruħhom laxki f’imġiebthom tal-lum u tal-bieraħ, daqs l-oħrajn li jikkundannaw. L-istess Partit imexxi politika – bħal fil-ġbir ta’ fondi jew fil-ħarsien tal-ambjent – li ma turix linja dritta. Bl-aktar mod ċar tgħawweġ l-affarijiet. Dan qed joħloq għall-Oppożizzjoni problemi enormi ta’ kredibilità – li b’kull dritt il-gvern qed jaqbad magħhom biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.

    L-istandards doppji tal-PN ikomplu jikkonfermaw f’moħħ iċ-ċittadini l-ħsieb li tħares kif tħares lejha, il-politika f’Malta hi biżness maħmuġ. Għal uħud mill-ġenerazzjoni tiegħi, konklużjoni bħal din li qed tkompli tinfirex tagħti lok għal dwejjaq kbar.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0