Sajf sħun

  • Apr 25, 2016 07:20
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ma neħodhiex bi kbira jekk dan se jkun sajf sħun fil-qasam tal-immigrazzjoni. Nittama li għandi żball.

    Kollox juri li, kif qal Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, wara l-ftehim milħuq bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, ix-xbieki li jwasslu l-emigranti lejn l-Ewropa se jerġgħu jduru lejn l-Afrika ta’ Fuq, l-aktar il-Libja. 

    Jidher li l-ftehim mat-Turkija qed jilħaq parti sew mill-għanijiet tiegħu. Qed irażżan il-kurrent migratorju li jgħaddi mill-Balkani sal-Ġermanja. Mhux ta’ b’xejn li l-kanċellier Merkel baqgħet daqstant attenta biex ma turtax lill-President tat-Turkija Erdogan.

    Jekk issa l-immigranti se jduru lejn l-Italja (u Malta) biex jaslu fejn iridu, l-eħfef triq għall-Ġermanja kellha tgħaddi mill-Awstrija. Din qed tibni barrieri ġodda mal-fruntieri tagħha.

    Il-logħba saret perikoluża. Bħala ġnus, l-Ewropej iridu jibqgħu jistqarru l-valuri tal-ħniena u tat-tolleranza. Fl-istess waqt, iridu jrażżnu b’kull mezz possibbli l-”invażjoni” tar-refuġjati u l-immigranti.

    ***

    Sigrieti kummerċjali

    Uħud tqanżħu biex jikkritikaw il-vot li fi ħdan il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi (l-S&D) tal-Parlament Ewropew ħadna favur li tidħol direttiva biex tipproteġi s-sigrieti kummerċjali tal-impriżi. 

    Sostnew li d-direttiva se sservi ta’ mażżra fuq ġurnalisti li jesponu l-abbużi u l-manipulazzjonijiet ta’ kumpaniji u individwi, kif irnexxielhom jagħmlu bil-Lux Leaks u l-karti tal-Panama.

    Din hi akkuża vojta. Xorta ma nkunx sorpriż jekk tibqa’ tittenna. 

    Qabel ma l-proposta dwar il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali ġiet għall-vot, il-grupp parlamentari tal-S&D għamel kull sforz biex jiżgura li dil-miżura tħares għalkollox il-ħelsien tal-ġurnalisti li jxandru l-abbużi hekk kif isiru jafu bihom. Nemmen li tal-S&D irnexxielhom f’dan.

    Barra minn hekk, naqbel bis-sħiħ li d-ditti kummerċjali, speċjalment dawk żgħar, għandhom jingħataw ħarsien Ewropew biex l-ideat u l-iskoperti tagħhom ma jinsterqux  minn mafjużi jew kumpaniji kbar. Dak hu wara kollox il-għan tad-direttiva.

    ***

    Newsletter

    Fi stabbiliment ta’ San Ġiljan, sħabi u jien nedejna it-tieni verżjoni ta’ newsletter elettronika maħsuba biex twassal informazzjoni dwar xi jkun għaddej fl-istanzi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ direttivi u regolamenti ġodda. 

    Biex nispjega għaliex newsletter bħal din tagħmel sens, fissirt li f’Malta u pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini ftit isegwu kif l-Unjoni tkun qed tiffinalizza proposti li daqt se jispiċċaw jaffettwawlhom ħajjithom bil-kbir. 

    Stagħġibt b’kif dan l-argument, li jidhirli ovvju, qanqal mistoqsijiet fost ħafna nies. Donnhom għadhom ma fehmux kif l-Ewropa saret tiddeċiedi dwar ħwejjeġ li jaffettwawhom mill-qrib.

    Il-problema hi li kontroversji nazzjonali jinħassu interessanti u pikkanti ħafna – kontroversji Ewropej jinħassu pjuttost imbiegħda. Sakemm jitwettqu f’pajjiżek, lejn tal-aħħar tibqa’ biered; wara, meta jkunu twettqu, tard wisq biex titbaqbaq.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0