TAXXI PPUBBLIKATI'

  • Apr 18, 2016 07:18
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-magazine “The Economist” ta’ dil-ġimgħa għandu diskussjoni interessanti dwar jekk it-taxxi mħallsa minn politikanti u/jew ċittadini kull sena għandhomx jiġu pubblikati. F’isem it-trasparenza, hekk qed jissuġġerixxu ċerti esperti fil-qasam tat-taxxa u hekk diġà qed jagħmlu l-pajjiżi Skandinavi.

    Fatt kurjuż li donnu ntesa hu li kien daħħal dis-sistema l-gvern Laburista tas-snin tmenin, minkejja li kien jiġi mixli kuljum b’elf dnub kontra l-governanza tajba, ħafna minnhom montaturi.

    L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet kompletamanet kontra. Ikkritikaw il-publikazzjoni tat-taxxi mħallsa bħala mezz ta’ spjunaġġ fuq iċ-ċittadin. Fl-istess żmien kienu organizzaw sistema ta’ rappreżentant f’kull triq tal-pajjiż biex jirrapportalhom dwar il-politika tal-ġirien.

    Il-gvern kien joħroġ kull sena ktieb oħxon biċ-ċifri dovuti f’taxxa tad-dħul minn kulħadd. Bit-teknoloġija ta’ dak iż-żmien, il-proċedura kienet komplikata u tqila. U sabet min ikompli jtaqqalha u jikkomplikaha.

    Il-publikazzjoni annwali tal-ktieb tat-taxxi waqgħet lura. Meta nbidel il-gvern wara l-1987, il-proġett twaqqaf.

    ***

    Luxleaks vs Panama

    Fil-Parlament Ewropew qamet diskussjoni dwar kif titmexxa investigazzjoni fuq l-iskandlu tal-karti tal-Panama li kulħadd qabel li jeħtieġ issir.

    L-investigazzjoni għandha tkun separata u għaliha? Jew kellha tingħaqad ma’ dik li ilha mibdija dwar l-iskandlu tal-Luxleaks billi l-kumitat parlamentari li qed imexxi d-diskors dwar il-Luxleaks jingħata inkarigu simili dwar il-karti tal-Panama?

    Fin-nofs naturalment daħlu l-ambizzjonijiet parlamentari ta’ min qiegħed f’kumitat u jrid ikabbar ir-responsabbiltajiet tiegħu. Imma dan hu punt sekondarju.

    Aktar importanti hu l-fatt li waqt li l-Luxleaks ikkonċernaw il-kumpaniji multinazzjonali l-“kbar”, il-karti tal-Panama jikkonċernaw l-aktar individwi li għandhom setgħa, influwenza jew flus, jew it-tlieta f’salt. Mhumiex tal-istess pezza. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li ġġibhom aktar qrib il-mira billi tbaxxi d-definizzjoni ta’ kemm għandu jkun kbir il-bejgħ ta’ kumpanija biex din taqa’ taħt il-miżuri li qed tressaq ħalli tikkumbatti d-dnubiet żvelati minn Luxleaks.

    Dan żgur mhux biżżejjed. L-istrateġiji tal-elites li jaraw kif jaħbu flushom huma kompletament differenti minn tal-multinazzjonali żgħar jew kbar meta jaraw kif se jevitaw taxxi dovuti.

    ***

    Dwejjaq bl-Ewropa

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ninnota kemm hi kbira l-firda bejn dak li jkun qed jiġri fi Brussell dwar l-Unjoni Ewropea, u dak li qed iseħħ fil-fehma publika tal-votanti nazzjonali. Riżultat elettorali wara l-ieħor, mill-Polonja sal-Portugall jew jekk trid, sar-referendum Olandiż, jagħtu xhieda tad-dwejjaq bl-Ewropa li donnhom infirxu.

    Wara kull riżultat, fi Brussell tinżamm diskussjoni dwar ix-“xokk” ikkawżat mill-aħħar riżultat u ssir kundanna tal-“populiżmu”. Imbagħad kulħadd jibqa’ għaddej b’li kien qed jgħid u jagħmel qabel. Business as usual.

    L-aqwa tama hi: li l-Brexit jisfa miċħud.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook