IL-PROBLEMA TAL-GREĊJA

  • Apr 14, 2016 07:16
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fid-dibattiti uffiċjali tal-Parlament Ewropew, jintqal kif il-programm ta' salvataġġ għall-Greċja li ġie varat f'nofs is-sena li għaddiet, qed jagħmel progress.

    Il-gvern Grieg jakkuża lill-Fond Monetarju Internazzjonali li qed joħloq problemi ta' xejn b'xejn.

    Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu li jistennew li wara diskussjoni jintlaħaq ftehim bejn kulħadd dwar il-pass li jmiss.

    Imbagħad titkellem ma' deputati Griegi u jagħtu stampa għal kollox differenti. Skont huma, l-ekonomija Griega baqgħet titlef min-nifs.

    Soċjalment, il-qagħda sejra mill-ħażin għall-agħar.

    Il-gvern qed jgħaddi l-liġijiet "struturali" mitluba minnu u t-twettiq tagħhom idur fil-vojt.

    Il-kriżi tal-immigrazzjoni qed timmina l-aħħar mutur li kien baqa' għaddej tal-ekonomija Griega -- it-turiżmu.

    Lil min taqbad temmen?

    ***

    Meta self mhuwiex self

    Mod kif iddur għalkollox mal-liġi l-ġdida dwar il-finanzjament tal-partiti, li tpoġġi limitu fuq kemm tista’ tagħti flus lil partit mingħajr ma jixxandar ismek bħala donatur, hu dan:

    Sellef b’kuntratt għal għaxar snin is-somma ta’ 10,000 ewro b’imgħax ta’ 4/5 fil-mija. Ismek ma jidher imkien.

    Kull sena, meta tirċievi l-imgħax, għaddih bħala donazzjoni lill-partit. L-imgħax jiġi anqas mil-limitu dwar xandir ta' ismijiet id-donaturi lill-partiti.

    Meta jasal biex jagħlaq il-kuntratt, agħmel ftehim (jew tista’ tagħmlu mill-bidu nett) biex fuq numru ta’ snin, tagħti parti mis-self bħala donazzjoni b’mod li l-imgħax u l-parti tas-self miżmuma għalkollox mill-partit, ikunu anqas mil-limitu fuq id-donazzjonjiet lill-partiti bla ma jidher ismek.

    Sa mill-bidu nett, il-partit ikollu għall-uzu tiegħu l-kapital ta’ 10,000 jew 30,000 ewro jew kemm li tajtu, bla ma jippubblika xejn.

    Min joħroġ bi skema bħal din, fl-istess ħin jista' jipproklama ma’ kulħadd li sar paladin tat-trasparenza. “Only in Malta!”

    ***

    Kura lejn l-annimali

    Baqa' jikber fostna s-sentiment ta' kura u għożża lejn l-annimali. Ħaġa sabiħa.

    Qabel, l-affarijiet kienu differenti. Niftakar mill-imgħoddi stejjer orribbli ta' kif fenek kien jitqaxxar ħaj, jew klieb u sriedek jitkesksu biex jiġġieldu sal-mewt. (Mill-imgħoddi wkoll madankollu, niftakar l-istorja ta' raġel li għereq għax qabeż fil-baħar imqalleb biex isalva kelb, u ta' oħrajn li kienu jieħdu ħsieb il-qtates mitluqa u morda.)

    Wieħed jinnota kif fil-media, fost l-aktar stejjer li mhumiex aħbarijiet, kitbiet dwar l-annimali saru jħabbtuha fil-popolarità ma' oħrajn dwar f'liema restoranti ssib l-aħjar ikel, u dwar ir-riċetti moderni.

    Biss fl-istess waqt li sirna napprezzaw aktar lill-annimali bħala ħbieb tal-bniedem, ġara wkoll li l-istess annimali ġew integrati dejjem aktar fl-ekonomija tas-suq. Fejn qabel kont tħobb jew tobgħod il-klieb u l-qtates, trabbihom u tagħtihom, illum issibhom kollha bi prezz fuq rashom.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0