Sigurtà

  • Mar 31, 2016 12:18
  • Miktub minn Alfred Sant

     

    Bl-ebda mod m’għandu jitqajjem sens ta’ paniku fost il-popli Ewropej. Imma hu ċar ukoll li jridu jissaħħu l-miżuri tas-sigurtà madwar postijiet pubbliċi u miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-ġbir ta’ informazzjoni. F’ċerti oqsma hu meħtieġ tisħiħ qawwi; f’oħrajn iridu jiddaħħlu metodi ġodda.

    Wieħed jifhem li l-Ewropa ma tistax tinbidel f’fortizza minn ġewwa u għal barra. Ħadd ma jieħu gost jgħix b’suldati lesti għall-gwerra li jissorveljaw kullimkien. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp katastrofiku tal-ħidma terroristika irid jiġi mrażżan.

    Hu minnu wkoll li hu faċli biex ħafna mill-miżuri ta’ sigurtà li jeħtieġ jiddaħħlu jispiċċaw abużati, b’dannu għad-drittijiet tal-privazija taċ-ċittadini.  Waqt li għandhom jitħaddmu l-kontro-miżuri kollha li jilqgħu għal dan l-abbuż, ma narax li hemm alternattiva ħlief li naċċettaw ir-riskju ta’ dan l-abbuż.

    Bejn ir-riskju minn naħa, ta’ ħajjiet innoċenti mkissra u iġsma imtertqa, u mill-oħra, il-periklu li l-ħajja privata taċ-ċittadini tkun imminata, nippreferi li niffaċċjaw it-tieni alternattiva.

    Dil-konklużjoni tgħodd ukoll għal pajjiżna.

    ***

    Il-kitba tal-Malti

    Il-polemika dwar kif l-aħjar jinkiteb il-Malti kompliet għaddejja fost id-“dilettanti” tal-ilsien tagħna. Niddubita jekk hemmx wisq nies li jsegwuha imma tikkonċernana lkoll.

    Kif il-Malti jinkiteb illum, se jinfluwenza bil-kbir kif se jiftiehem, jiġi mitħaddet u jitħaddem għada. Fil-fatt, kif se jibqa’ ħaj bħala lingwa nazzjonali.

    Uħud għadhom ma jistgħux jifhmu kif dak li qabel kien jitqies bħala żball, illum sar mod korrett kif tikteb. Oħrajn jinsistu li l-kitba ta’ ilsien trid issir skont kif tinħass fil-kelma. Inkella tispiċċa espressjoni klassika forsi, imma ċassa żgur. Terġa’ oħrajn jargumentaw li r-regoli tal-kitba ma jistgħux jitfasslu bil-ħsieb li jgħinu lill-istudenti jgħaddu mill-eżamijiet tal-lingwa.

    Kollha għandhom raġun.

    ***

    Kontabilità 

    Id-demokrazija parlamentari ta’ spiss tiġi kkritikata għax tqanqal polemika fuq polemika. Ħafna minnhom jispiċċaw personalizzati. Ħadd ma jieħu gost b’dan.

    Biss, hu permezz tal-polemika li kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali jistgħu jitwasslu quddiem iċ-ċittadini b’mod li huma jifhmu u li jinteressahom. Meta ma tqumx polemika, is-suspett jikber li l-politikanti tan-naħat kollha jinsabu f’konfoffa bejniethom biex jaraw kif jagħlqu għajnejhom għal dak li jkunu qed jagħmlu ħażin hawn u ħażin hemm.

    Effettivament, f’demokrazija, il-polemika hi essenzjali biex tippromovi l-kontabilità. Fid-dibattitu ħieles u “teatrali” dwar allegazzjoni u kontro-allegazzjoni, id-deċiżjonjijiet meħuda (jew skartati) fl-interess nazzjonali, jitpoġġew taħt dawl qawwi għall-ġudizzju ta’ kulħadd.

    Hemm min jgħid li dan jammonta għal qorti tal-poplu u mhux sew. Aktar u aktar għax ibiegħed mis-sistema politika dawk li jridu jaġixxu b’mod serju imma mhumiex lesti jiffaċċjaw kontroversji jaħarqu.

    Ftit jikkonvinċuni dawn l-argumenti.   

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0