It-Trasport Pubbliku

  • Diċ 11, 2015 00:11
  • Miktub minn

    It-trasport pubbliku hu fattur importanti sabiex t-traffiku f’pajjiżna jiġi mmaniġjat tajjeb. Il-gvern jista’ jagħmel sa ċertu punt. Dan għaliex hi l-kumpanija privata li qed tmexxi dan is-servizz. Il-gvern jista’ jordna rotot ġodda bħalma għamel. Jista’ jġiegħel li l-karozzi jinbidlu. Jista’ jordna li jkun hemm spezzjonijiet biex jiġi assigurat li l-karozzi mhumiex ta’ periklu. Iżda l-immaniġjar tas-sistema mhix f’idejh.

    X’inhi l-akbar problema li tiffrustra n-nies u li tbiegħed lin-nies mit-trasport pubbliku? Din hi li ma tistax tiddependi fuq it-trasport pubbliku biex tasal f’ċertu ħin. Dan jiddependi fuq numru ta’ fatturi, bħalma hu t-traffiku. Iżda jiddependi wkoll fuq il-management.

    Il-management għandu rwol importanti għaliex hu jrid jara li l-affarijiet sejrin tajjeb u hu jrid jassigura li meta l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, jitranġaw mill-ewwel. Management effettiv ma joqgħodx jistenna li n-nies jilmentaw. Ikollu sistemi u strutturi biex kif tinqala’ problema jkun jaf biha u jirranġa mill-ewwel. Għalhekk għandek livelli ta’ management. Filwaqt li l-ogħla management jagħmel il-policy u jara kif sejrin l-affarijiet inġenerali, il-middle management irid iżomm saqajh il-ħin kollu mal-art biex kif tinqala’ problema jara kif isolviha. U l-middle management tat-trasport pubbliku hu d-dispatcher.

    Id-dispatcher mhux xi grad ġdid f’dan il-qasam, għax anki meta kellna s-sistema l-antika kellna d-dispatchers. Xogħolhom kien jinkludi li jaraw il-karozzi li deħlin u ħerġin u jaraw li dawn jitilqu fil-ħin. Kien ukoll jinkludi li jekk jinqala’ xi ħaġa - pereżempju, il-karozza li jmiss ma dehritx - jsolviha. Iżda jidher li taħt il-kumpanija preżenti d-dispatcher hu sempliċiment wieħed li jieħu nota ta’ min wasal u min telaq. F’dan il-livell jidher li la hemm dixxiplina u lanqas inizjattiva biex jirranġaw l-affarijiet.

    Skont l-esperjenza tiegħi, mhux l-ewwel darba li fuq il-venda jkollok nies jistennew għaliex ma tkunx waslet il-karozza, ikun hemm xufiera jistennew li jingħataw vjaġġ, jew karozzi li mhux jintużaw (ikollhom Not in Service),. Din hi xena komuni ħafna fil-venda tal-Belt. Lanqas ma hi l-ewwel darba li nzertajt li l-karozza bix-xufier ikunu hemm fuq il-venda, isir il-ħin u l-karozza ma titlaqx għax ikun qed ipejjep jew jitkellem u d-dispatcher ma jagħmel xejn biex iċaqilqu ħalli l-karozza titlaq.

    Każ tipiku ġrali dan l-aħħar. Irkibt karozza u kif tlajt ix-xufier qalli li sal-Marsa P&R ser iwassalna għaliex il-magna tal-biljetti mhux qed taħdem. Kif wasalna hemm, mort kellimt lid-dispatcher u għedtlu biex jirranġa karozza oħra. Sew karozzi u sew xufiera kien hemm jistennew. Mill-ewwel qalli li l-ordnijiet li għandu huma li ma jagħmel xejn. Ġiet karozza oħra u din kif waslet hemm ġratilha l-ħsara. Erġajt mort u kellimt lid-dispatcher u xorta ma għamel xejn. Ir-riżultat kien li dawk in-nies li kienu qed jistennew biex imorru x-xogħol kellhom jistennew siegħa sempliċiment għaliex il-middle management mhux qed jaħdem.

    Nemmen li l-Awtorità responsabbli minn dan - Trasport Malta - għandha tieħu l-passi u xxandar dawn il-passi li tkun qed tieħu. Naf li din għandha n-nies tagħha jieħdu n-noti ta’ xi jkun għaddej. Biss li ma nafx hu kif din l-informazzjoni qed tiġi użata. Ir-regolatur għalhekk qiegħed, biex jara li l-kuntrattur qed jagħmel dmiru u fejn hemm bżonn jieħu passi.

    Dawn huma d-difetti prinċipali li sew fis-sistema preżenti u sew fis-sistema taħt l-Arriva kien hemm. Qabel ma jirranġa l-middle management, l-akbar difett li hemm ser jibqa’ u s-servizz tat-trasport pubbliku, minkejja li jkollu titjib ieħor, xorta jibqa’ ma jiġbidx lin-nies għax jibqa’ servizz li ma tistax toqgħod fuqu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  

Facebook