Innoċenti fil-ħabs

  • Diċ 01, 2015 00:03
  • Miktub minn

    Bilkemm kienet għadha raqdet il-kontroversja dwar jekk għandux ikollna sentenzi ta’ għomor il-ħabs u magħdud maghhom numru ta’ jiem ta’ iżolament, li ma tfaċċatx kwistjoni ohra. Il-kwistjoni ta’ nies li suppost għandna nikkunsidrawhom bħala innoċenti imma qegħdin il-ħabs.

    Insomma mhux il-ħabs, imma l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Għax l-ewwel u qabel kollox forsi għadna rridu niddeċiedu jekk irridux li jkollna ħabs jew faċilità. Jew ikollna t-tnejn. Jekk mhux ukoll post ieħor fejn dawk taħt arrest preventiv ikunu maqtugħin għalihom minn dawk li huma sentenzjati.

    Id-diskors dwar dawk li qegħdin il-ħabs iżda għadhom ma nstabux ħatja beda wara li ħarġet l-aħbar li 137 minn popolazzjoni ta’ 564 persuna li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qegħdin hemm taħt arrest preventiv.

    Prinċipju fundamentali

    Issa għalkemm jien m’iniex avukat u qatt ma studjajt il-liġi, dejjem kien mingħalija li s-sistema legali f’pajjiżna hija mibnija fuq il-prinċipju li persuna hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja.

    Imma sfortuntament meta niġu biex nitkellmu dwar in-nies li qegħdin wara l-ħitan tal-Faċilità Korrettiva, ftit jew wisq tidħol il-mentalità ta’ bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb.

    Anzi. Ħafna drabi qabel tilħaq tiftaħ ħalqek, issib min jikkonfrontak u dejjem jgħidulek li qed tħares lejn il-kriminali imma m’intix tħares lejn il-vittmi.Ovvjament qalbi tingħafas għal kull min jispiċċa vittma tal-kriminalità. Għax il-vittma dejjem vittma. Anke jekk bis-sistema ta’ ġustizzja restorattiva suppost daħħalna l-prinċipju li l-ħati mhux biss naqas lejn l-istat imma wkoll lejn il-vittma.

    Għalhekk forsi aktar jagħmel sens li flok nibagħtu ċerti persuni l-ħabs, nibagħtuhom jaħdmu biex isewwu dak li kissru. Kemm versu l-istat u kemm versu ċittadini oħra.

    Madankollu l-ewwel u qabel kollox ma tistax iżżomm bniedem taħt arrest preventiv għal ġimgħa wara oħra, xahar wara ieħor, jekk mhux ukoll sena wara oħra.

    X’jista' jsir?

    Qabel ngħaddi biex nitkellem ftit dwar x’jista’ jsir, tajjeb ninnotaw is-silenzju tal-politiċi minn kull naħa fuq din is-sitwazzjoni. U meta naf kemm hemm avukati mdaħħlin direttament jew indirettament fil-politika, forsi ħadd ma jagħtini tort li kont nistenna naqra diskussjoni sana fuq din is-sitwazzjoni.

    Imma x’jista’ jsir? Naf li m'hemmx soluzzjonijiet faċli. Imma dak li qed tgħid l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl jagħmel ħafna sens. L-aktar meta tgħid li dawk li qegħdin il-ħabs miżmumin taħt arrest għandhom jinħelsu immedjatament jekk iż-żmien li ilhom imsakkra qabeż il-massimu tas-sentenza li setgħu jeħlu jekk jinstabu ħatja.

    Mid-Dlam għad-Dawl tgħid ukoll li għandu jkun hemm limitu dwar kemm persuna tista’ tinżamm il-ħabs taħt arrest preventiv u li l-flus m’għandhomx ikunu l-kejl dwar jekk persuna għandhiex tingħata l-ħelsien mill-arrest jew le.

    Ovvjament wieħed jistenna sistema aktar effiċjenti meta jaħbat difrejh mal-ġustizzja. Imma minkejja r-riklami donnu għadna ftit lura biex ma jkunx hemm aktar nies innoċenti msakkrin il-ħabs.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1