Interessanti

  • Nov 01, 2012 21:02
  • Miktub minn

    Nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru għamel stqarrija dwar x’ġara fl-aħħar Kunsill Ewropew li nżamm ġimgħa u nofs ilu. Ma’ sħabi mill-Oppożizzjoni Laburista għamiltlu mistoqsijiet dwar dak li stqarrilna. Qatta’ ħin sew iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu. Mit-tweġibiet li ta għall-mistoqsijiet tiegħi, il-midja rrapportaw dwar waħda. Interessanti kien il-punt li t-tweġiba, twila mhux ħażin, ma qalet xejn dwar dak li saqsejt.

    Ridt inkun naf jekk matul il-Kunsill Ewropew, kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern Ewropej kinux qajmu ma’ Dottor Gonzi l-affari Dalli u jekk setax jagħti sunt ta’ x’intqal f’dawn l-interventi. Minflok qal li din ħaġa li ma setax jew ma riedx jagħmilha (?),, il-Prim Ministru tkellem fit-tul dwar kif ma kienx jaf xejn bl-istorja qabel tħabbret u kif ftiehem ma’ Barroso biex imexxu malajr ’il quddiem il-ħatra ta’ Kummissarju Malti ġdid. Kollha kjarifiki importanti, li l-midja qabdu magħhom; imma assolutament ma kellhom x’jaqsmu ma’ li staqsejt. Min jaf għaliex... ?

    SANDY

    Il-ħerba li Sandy għamlet fl-East Coast tal-Istati Uniti hi inkredibbli. Ikkuntatjajt nies li naf li jgħixu f’dik iż-żona u kienu fuq l-alert. Il-qalba tal-belt ta’ New York qalgħet daqqa liema bħala, forsi aktar minn fi żmien 9/11. Stazzjonijiet sħaħ tal-metro spiċċaw imbulmati bl-ilma, il-provista tal-elettriku minn diversi “power stations” waqfet, kien hemm sptar jew tnejn li kellu jevakwa l-pazjenti tiegħu għax is-sistemi tal-enerġija mietu.

    Għoġbitni l-konferenza stampa li rajt tas-sindku ta’ New York Bloomberg fejn ta rendikont ta’ x’kien ġara u kif is-servizzi muniċipali għamlu l-almu tagħhom biex jilqgħu għall-istraġi. Seta’ kien hemm ħafna aktar imwiet. Dan ma ġarax għax saru tħejjijiet kbar minn qabel wasal il-maltemp.

    BONY

    Arthur Upfield kiteb għadd ta’ stejjer tad-didektivs dwar l-ispettur Napoleon Bonaparte, li nofsu “abjad” u nofsu ta’ nisel aboriġenu Awstraljan. Kien ili ħafna biex naqra xi rumanz f’din is-sensiela. Fl-aħħar irnexxieli b’“The Lake Frome Monster” li jiżvolġi fl-“outback” tal-Awstralja ċentrali. Inzerta l-aħħar ktieb ta’ Upfield li miet fl-1964 u ma laħaqx iwasslu sal-aħħar. Il-misteru li Bony jidħol biex isolvi mhux daqstant eċitanti – hu u jieħu ritratti ta’ bhejjem li qed jersqu biex jixorbu madwar għadira ilma, jinqatel fotografu li jkun ġie fl-inħawi fejn jindokraw ċnut tal-fildiferru maħsuba biex iżommu l-klieb slavaġ bogħod mill-iġbla fejn jirgħu l-merħliet. L-aqwa mertu ta’ “The Lake Frome Monster” hu li jagħti stampa kollha ħajja tal-Wild West Awstraljan fl-ewwel nofs tas-seklu l-ieħor... bl-iġmla bħala l-aqwa protagonisti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0