L-immigrazzjoni u l-paċi

  • Ott 04, 2015 13:39
  • Miktub minn

    L-aħbarijiet ta' dawn l-aħħar ġimghat kienu ddominati mill-immigrazzjoni fl-Ewropa min-naħa tal-lvant tal-Ewropa. Qabel l-akbar għadd ta' immigranti kien ġej min-naħa ta' isfel – il-Mediterran.

    L-akbar differenza kienet li meta kienet ġejja min-naħa t'isfel l-immigrazzjoni ma tantx kienet qed taffettwa lill-qalba tal-Ewropa u għalhekk kienet meqjusa bħala waħda lokali u mhux li tolqot lill-Ewropa.

    Kif il-kurrent dar u eluf kbar bdew deħlin l-Ewropa mill-Greċja bl-intenzjoni li jmorru l-Ġermanja, l-affarijiet inbidlu. Mhux talli din il-problema saret waħda Ewropea, iżda wkoll kixfet ċerti maskri. Waħda mill-maskri li waqgħu kienet li fl-Ewropa llum il-kelma Unjoni hi waħda superfluwa u tintuża biss għall-propoganda. F’din il-kwistjoni jidher li kull pajjiż għal rasu, kif jidhirlu hu.

    Il-kultura u l-esperjenza ta' pajjiż hi waħda importanti u d-deċiżjonijijet li jittieħdu meta tinqala’ xi kwistjoni huma influwenzati ħafna minn dawn. Jekk nieħdu l-Ġermanja, din id-darba kienet hi li wriet ir-ruħ soċjali. Mhux talli lesta li tipprovdi kenn lil dawn l-immigranti, iżda wkoll bi trattament etiku. Barra l-gvern kien hemm eluf li ħarġu biex jgħinu lil dawn l-immigranti. L-industrija min-naħa l-oħra lesta biex tħarreġ lil dawn biex jibdew jaħdmu malajr kemm jista’ jkun u b’hekk jintegraw ruħhom.

    Hi ta’ mistħija l-attitudni ta’ ċertu pajjiżi li mhux talli wrew li mhumiex kapaċi jidderieġu massa ta’ nies, iżda wrew il-wiċċ ikrah tar-razziżmu fl-Ewropa. Ċerti mexxejja ta’ pajjiżi minflok jidderieġu l-poplu biex jimmaniġġja sew din il-problema, urew il-wiċċ ikrah tal-Ewropa billi pajjiżi bħall-Ungerija tellgħu ħajt biex ibiegħdu r-refugjati milli jgħaddu għall-Ewropa Ċentrali, u użaw il-forzi tal-ordni biex jikkumbattu u jsawtu lil dawn.

    Għalhekk kien ta’ faraġ li min-naħa l-oħra, eluf kbar ta’ nies oħra speċjalment fl-Awstrija u l-Ġermanja qed jiddedikaw ħinijiet kbar bħala volontiera biex jassiguraw li dawn ir-refuġjati jiġu milqugħa bid-dinjità li jixirqilhom bħala bnedmin iżda wkoll integrati fis-soċjetà tagħhom.

    Min-naħa l-oħra waqgħet il-maskra tar-Renju Unit flimkien mal-pajjiżi tal-lvant tal-Ewropa biċ-ċar li ma jridux jgħinu u ma jridux jilqgħu fosthom ir-refuġjati. Filwaqt li l-Ġermanja kienet lesta taċċetta mijiet ta' eluf din is-sena, ir-Renju Unit kienu lesti biss jaċċettaw mal-għaxart elef ruh minkejja li m'għandhomx problemi ekonomiċi. Kien biss wara ħafna pressjoni, bad press u wara l-filmat li jkexkxek ta' tifel ta' tliet snin Sirjan mejjet fuq bajja Griega li r-RU wriet li forsi lesta taċċetta sa għoxrin elf tul din il-leġiżlatura li jfisser madwar elfejn biss fis-sena.

    Il-pajjizi l-oħra specjalment dawk li kienu taħt l-Unjoni Sovjetika għadhom jirreżistu li jilqgħu fosthom dawn ir-refuġjati. Din hi l-ironija tal-ħajja għaliex huma dawn il-pajjiżi li kellhom juru kif l-Ewropa għandha turi r-ruħ soċjali tagħha għaliex kienu huma li ġew ittrattati tajjeb mill-pajjiżi tal-punent meta kellhom jaħarbu qabel ma waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u mhux jibnu Hajt ta’ Mistħija ieħor.

    Biss minkejja dawn il-maskri li waqgħu, hemm oħra li għadha moħbija għax ma ssemmietx tul din il-problema kollha. Din hi l-kawża ta' dawn ir-refuġjati. Ir-refuġjati ma jaqgħux mis-sema. Huma riżultat ta' gwerra. Hemm tidħol il-paċi – xi ħaġa li jekk ma taħdimx għaliha titilqek.

    U hekk ġara fis-Sirja. Ftit tas-snin ilu l-punent kien interessat li jsib soluzzjoni għall-gwerra tas-Sirja. Sa waslu wkoll biex jibdew it-taħditiet bejn il-gvern ta' Assad u r-ribelli. Dawn ma kellhomx ħajja twila għaliex il-punent f'dawn it-taħditiet ra li l-maġġoranza tar-ribelli kontra Assad u dawk l-aktar li qed jagħmlu suċċess kienu l-Iżlamiċi radikali – li wara ngħaqdu mal-ISIS.

    Niftakar dan kien ħareġ ċar meta Blair, li kien envoy speċjali għal-Lvant Nofsani biex iġib il-paċi, kien intervistat waqt il-World Economic Forum. Peress li f'dak iż-żmien kienu qed isiru t-taħditiet għal ftehim fis-Sirja, staqsewh dwarhom. Blair ma tantx dam jaħsibha u wera li l-punent mhux interessat li jtajjar lil Assad u jitwikka bi grupp Iżlamiku Radikali li ma jxaqlibx mal-punent. Ħallewhom jiġġieldu u bdew jorganizzaw il-gruppi favur tagħhom biex illum għandna tliet gruppi jiġġieldu lil xulxin.

    Hemm il-punent li abbanduna l-paċi u l-paċi llum abbandunat il-punent għaliex fl-Ewropa llum hemm mijiet kbar ta' eluf li jridu jmorru f'dawn il-pajjiżi biex joffru ħajja aktar sigura lill-familja u futur aħjar lit-tfal tagħhom.

    Hemm punt ieħor li tajjeb li nirriflettu dwaru. Il-grupp tal-ISIS ma waqax mis-sema. Żviluppa bil-flus li ġew mill-pajjiżi Għarab radikali bħas-Sawdi Arabja u l-Oman – pajjiżi li jemmnu li l-istat għandu jkun wieħed Musulman. Pajjiżi li meta kien hemm 'rebbiegħa Għarbija' ftit snin ilu u din wara l-Eġittu bdiet tmiss ukoll lil dawn il-pajjiżi fejn m'għandhomx id-demokrazija iżda huma favur il-punent, kienu l-armi tal-punent li ntużaw biex ifarrku l-moviment għal-libertà f'dawn il-pajjiżi.

    Lanqas l-armi Ii għandhom l-ISIS ma waqgħu mis-sema. Huma l-istess armi li l-maġġoranza tagħhom ingħataw lill-Iraq mill-gvern Amerikan u llum dawn l-istess armi qed jintużaw sew kontra l-paċi, id-demokarazija u interessi tal-punent. Ir-Russja mhix verġni f'dan l-aspett għaliex parti mill-armi li qed jingħataw lil Assad qed isibu ruħhom f'idejn l-ISIS.

    Jekk irridu li nsolvu l-problema tar-refuġjati, irridu mmorru u nsolvu l-qalba tal-problema – il-gwerer li għandna għaddejjin u n-nuqqas ta' paċi madwarna. Il-mexxejja Ewropej għandhom responsabbiltà kbira u jridu jqumu mir-raqda biex jassiguraw il-paċi fil-Lvant Nofsani sew għall-interess nazzjonali tagħhom kif ukoll għall-miljuni ta’ nies li qed jaraw il-futur tagħhom jitfarrak u jkollhom imorru jgħixu f’pajjiżi oħra biex jassiguraw is-sigurtà ta’ familthom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1