Żvilupp sostenibbli

  • Lul 23, 2015 10:34
  • Miktub minn

    Ftit huma dawk li ma jemmnux fi żvilupp sostenibbli. Dawn huma dawk li ħlief flus ma jarawx u l-oħrajn gruppi ta’ ambjentalisti li jriduna nerġgħu mmorru ngħixu fl-għerien.

    L-ewwel grupp ma tantx hemm x’tgħid fuqhom. Dawn lesti li jagħmlu kollox biex minn kull attività li jagħmlu jaqilgħu kemm jistgħu flus. Ma jħabblux rashom jekk din l-attività tagħmilx ħsara lil xi ħadd ieħor. Għalhekk wisq anqas iħabblu rashom li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Dawn ma jemmnux fi żvilupp għaliex l-iżvilupp hu li tagħmel xi ħaġa tajba. Dawn ma jħabblux rashom x’ser jagħmlu, basta jaqilgħu l-flus.

    Il-grupp l-ieħor huma dawk l-ambjentalisti li kull ħaġa li nagħmlu jistgħu jgħidu li qed inħassru l-ambjent. Li kieku kien għalihom ma jsir xejn ġdid. Sintendi dawk minnhom li għandhom xi villa mhux lesti li jmorru joqogħdu f’xi għar u jerġgħu jġibu l-ambjent kif kien. Dawn insejħilhom l-ambjentalisti tal-għerien. Dan il-grupp ftit tista’ titkellem magħhom għaliex hekk jemmnu.

    Jibqa’ l-grupp tan-nofs li hu taħlita sħiħa ta’ nies. Għandek nies li ma jagħtux kas l-ambjent, oħrajn li jaraw l-ambjent biex imaqdru u oħrajn li verament jinterressahom u jaħdmu għall-ambjent.

    L-ewwel grupp ta’ din is-sezzjoni, għalkemm jghidu li jixtiequ ambjent aħjar, ma huma lesti li jagħmlu xejn biex iħarsu l-ambjent. Dawn jgħixu ħajjithom mingħajr l-ebda referenza għall-ambjent. Għalihom l-ambjent hu xi ħaġa tat-teorija u barra minn ħajjithom.

    Hemm il-grupp tal-opportunisti. Dawk li ma tkellmu xejn meta kien hemm ir-referendum tal-kaċċa u issa jridu jgħallmuna fuq l-ambjent, għalija jaqgħu f’dan il-grupp. Ma nistax nifhem kif l-ewwel ma titkellimx fuq il-qtil tal-għasafar u llum trid tgħallimna fuq l-ambjent. Wisq anqas nista’ nifhem kif nitkellem kontra żvilupp partikolari barra l-ODZ u fl-istess ħin nista’ nipprova niġġustifika li nibni xi ħaġa f’żona simili! Dan il-grupp jibqa’ jinqeda bl-ambjent, bħal kull ħaġa oħra, kull meta jkun jaqbillhom. Għalija dawn m’għandhom l-ebda valur biex jipproteġu l-ambjent. Fil-fatt dawn jagħtu isem ħażin lill-ambjentalisti għaliex ħafna ma jagħmlux distinzjoni bejn dan il-grupp u l-aħħar grupp.

    L-aħħar grupp hu wieħed li jħares lejn l-ambjent bħala dik il-ħaġa li tagħmel l-iżvilupp sostenibbli. Nemmen li dan il-grupp tal-aħħar għandu rwol speċjali. Ir-raġuni hi li dawn verament jemmnu fi żvilupp sostenibbli. Dawn jemmnu li għandna bżonn nibżgħu għall-ambjent, biss la huma lesti u lanqas iridu li nerġgħu mmorru ngħixu fl-għerien.

    Id-diżgrazzja hi li dan il-grupp ħafna drabi jkollu jieħu attitudni iebsa bħall-grupp tal-għerien għax inkella jiġu ttimbrati ratba u lesti li jixxejru ma’ kull riħ. Dawn jibżgħu fuq kollox li bis-suġġerimenti tagħhom jiġu akkużati li jkunu qed jippromovu l-iżvilupp. Ma ninsewx li l-kelma 'żvilupp' għal ħafna ambjentalisti tal-għerien qisha dagħwa b’Alla.

    Verament nemmen li dan il-grupp irid joħroġ minn qoxortu u jkun dominanti fuq il-gruppi l-oħra biex juri li hu mibni fuq prinċipji. Wieħed mill-prinċipji hu li l-iżvilupp sostenibbli ġid iġib, sew għall-ambjent innifsu u sew għas-soċjetà, għaliex joħloq il-ġid u jwassal biex in-nies jgħixu aħjar.

    Prinċipju ieħor hu li l-aspett ambjentali jwassal biex l-iżvilupp ikun sostenibbli u għalhekk irid jitqies kull meta jkun hemm żvilupp. Għalhekk il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp mhumiex kontra xulxin. Żvilupp biex prinċipji bħal dawn u oħrajn simili jwasslu biex dan il-grupp mhux biss ikun wieħed b’saħħtu u influwenti iżda wkoll biex l-aspett ambjentali jkun verament integrat mal-iżvilupp.

    Għalija, dawn il-prinċipji kollha joħorġu fil-proġett tal-bini ta’ villaġġ li l-unjins Daniżi flimkien mal-GWU kienu għamlu l-Mellieħa (ara http://bbb84.blogspot.com/),. Dawn irnexxielhom jibnu villaġġ li barra li joħroġ l-aspett Malti, ħoloq post fejn tista’ tieħu vaganza fil-kwiet u l-kumdità, iħares l-ambjent għaliex dawn id-djar ġew integrati mal-karatteristiċi taż-żona. Barra minn hekk min jgħaddi minn ħdejh lanqas biss jittendi li hemm dan il-villaġġ. Dawn il-prinċipji rridu naraw kif inħaddmuhom mhux biss fuq livell ta’ pajjiż izda wkoll personali.

    Jien ċert li dan il-grupp jista’ jagħmel qabża fil-kwalità tal-iżvilupp tagħna billi joħroġ bi proposti kif żvilupp jista’ jsir sostenibbli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Aww 03, 2015

    Sur benny milli jidher zvilupp sostenibbli ghalik ifisser li tibni f zoni odz basta l bini ma jinduna bih hadd!! U l poplu ma jkunx jista igawdi l ambjent naturali, ghax kullimkien qed isir tal privat!! Ahjar

    Irrispondi