Il-baġit

  • Ott 15, 2012 09:30
  • Miktub minn

    Gonzi-pn qed jimmira biex iwassal il-baġit għas-sena 2013 sal-port. Jidher li lest jissagrifika ħafna kapital politiku għal dan il-għan. Jikkalkola forsi li billi jniedi l-baġit, anki jekk ma jgħaddilux mill-Parlament, se jirbaħ il-voti. Biex iħassar il-logħba u bil-ġiri jsejjaħ elezzjoni, trid tiġri xi ħaġa li ttellfu vot ta’ fiduċja fil-Parlament. Jew inkella jispiċċa jikkalkola li tant qed ikollu jitmesken biex jasal sal-baġit, li qed inaffar il-voti.

    Il-marġini ekonomiċi u finanzjarji tal-gvern biex joħroġ b’baġit li jroxx il-ħlewwiet huma dojoq ħafna. Fuq dahru, gonzi-pn għandu l-Kummissjoni Ewropea li hi marbuta li żżomm id stretta fuq kif il-pajjiżi żgħar tal-ewro jonfqu l-flejjes pubbliċi.

    Fil-Kummissjoni, hemm biżżejjed nies li dejjem iggostaw il-mod mans li bih in-Nazzjonalisti jindirizzawhom. Il-kalkolu se jkun li għal xi żmien, tal-Kummissjoni se jeħduha bil-mod biex jitħarrku jekk il-baġit jagħmel wegħdi li ma jistgħux jinżammu.

    L-U.E. u l-Premju Nobel

    Żewġ ironiji fil-għoti tal-premju tal-paċi lill-Unjoni Ewropea.

    Tistħoqqlu: imma messu ngħatalha xi tletin sena ilu. Hemm deher sew li għan għat-twelid tagħha: li twaqqaf darba għal dejjem il-gwerer qerrieda bejn il-ġnus tal-Ewropa tal-Punent: kien irnexxa. Franza u l-Ġermanja «qatt aktar» ma kienu se jinvadu lil xulxin. Imma fl-aħħar tletin sena, l-aġenda nbidlet. Il-mira saret li l-Unjoni, b’impenn ħeġemoniku, tkun superpotenza federali li tħabbatha mal-Istati Uniti. Hi din l-aġenda li wasslet biex tqanqal il-kriżijiet Ewropej tal-lum.

    It-tieni ironija hi din: il-forum li ta l-premju tal-paċi lill-Unjoni Ewropea, jinsab f’pajjiż, in-Norveġja, li għal darba tnejn, b’vot popolari, ddeċieda li ma jridx ikun membru tal-Unjoni.

    Dune

    Meta rajtu għall-ewwel darba f’xi ċinema ta’ Londra, għonost tul il-wirja. Issa erġajt rajt «Dune»: segwejtu sal-aħħar imma fhimt għaliex irqadtlu f’Londra. Magħmul minn David Lynch, reġista ta’ talent, «Dune» għandu viżiv sabiħ imma jinħass mekkaniku, kważi ċass. L-istess ħaġa tgħodd għall-wirja xejn memorabbli tal-atturi. L-effetti speċjali ftit jimpressjonaw. It-tmiem jitqabbel mal-final ta’ xi film James Bond mill-kajmani.

    X’differenza mir-rumanz oriġinali ta’ Frank Herbert! Fis-snin sittin għas-sebgħin tas-seklu l-ieħor, «Dune» kellu suċċess enormi. Iddeskriva t-taqtiegħa għall-kontroll tal-pjaneta Arakis minn fejn tiġi d-droga melange, essenzjali għall-vjaġġi twal fl-ispazju. Ir-rumanz għaqqad l-entużjażmu għall-esplorazzjoni spazjali li qam meta l-bniedem rifes għall-ewwel darba fuq il-qamar, mal-kultura ġdida tat-teħid ta’ drogi fost iż-żgħażagħ Amerikani. Minnu spuntaw aktar rumanzi – miktuba minn Frank Herbert ma’ kittieba oħra – li komplew l-istorja ta’ Dune tul millenji.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3