Wara l-IVA...

  • Apr 17, 2015 13:51
  • Miktub minn

    Ir-referendum ġie u għadda u l-kaċċa għadha hemm. Lanqas li kieku m’għaddiex, il-kaċċa kienet ser tibqa’ hemm. Dan ifisser li t-temperatura tad-diskussjoni dwar dan is-suġġett hemm bżonn li tinżel u l-proċess politiku jitħaddem.

    Nifhem id-diżappunt li tħoss meta tara dik in-naħa li int kont taqbel mal-argumenti tagħha titlef. Tħossok diżilluż u rrabjat. Aktar u aktar meta din il-kwistjoni tkun tolqot xi valur tiegħek. Jien pereżempju ma naqbilx mal-kaċċa għax tmur kontra l-valuri tiegħi li ħlejqa oħra tinqatel għalxejn b’xejn. Għalija l-kaċċa mhix moralment aċċettabbli. Biss ir-referendum għamel il-kaċċa fir-rebbiegħa waħda legali. La l-poplu aċċetta dan, ikolli naċċettaha u m’għandix dritt li nwaqqafha għalkemm id-dritt qiegħed hemm biex nipprova li naqilbu l-opinjoni.

    Biss ma jfissirx li għax in-naħa tiegħi tilfet nieħu l-attitudni li jew nipprova naqbad ma’ dak li rebaħ jew tant nara kollox iswed li nipprova niġġeneralizza u nagħmel il-ħsara. Iva, nemmen li l-poplu Malti hu konservattiv f’din il-ħaġa. Biss hemm ħafna affarijiet oħra fejn aħna progressivi. U fuq kollox, jekk il-poplu Malti hu konservattiv fil-kwistjoni tal-kaċċa, naħseb li jekk mhux kollha, imma l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE huma konservattivi wkoll għaliex jaċċettaw il-kaċċa daqsna. Pereżempju, kont iddiżgustat bil-filmat li ġab l-Euronews. L-istampi ta’ ftit sekondi taw l-impressjoni li Malta qisha l-Libja. L-istess ma naqbilx li issa nippruvaw nagħmlu ħsara lit-turiżmu għaliex din tkun qed tolqot mhux lill-kaċċaturi iżda l-ħaddiema li jaħdmu f’din l-industrija, l-ekonomija Maltija u għalhekk lilek u lili.

    L-istess ma naqbilx mal-attitudni li għaliex tlift nipprova nara f’min inwaħħal mingħajr ma npoġġi l-affarijiet f’perspettiva. Veru l-kamp tal-LE ma kellu l-ebda spalla biex tgħinu. L-akbar tliet organizzazzjonijiet f’Malta - iż-żewġ partiti politiċi l-kbar u l-Knisja - ħaslu jdejhom u f’din il-ħaġa ddikjaraw li għalihom l-ambjent mhux xi ħaġa kruċjali.

    Biss tajjeb naraw għaliex ġiet it-telfa. Jekk trid tkun ġust, trid taċċetta ċerti affarijiet. Għalija l-IVA kellhom kampanja tajba ħafna għaliex tkellmu fuq kollox minbarra l-kaċċa u l-qtil tal-għasafar. Li kieku tkellmu fuq il-kaċċa kienu jitilfu. Mhux talli hekk, talli l-ħin kollu jitkellmu fuq l-ambjent u indirettament kissru l-kampanja tal-LE b’ċerti azzjonijiet. Il-kampanja tal-LE kienet immirata biex tpoġġi lill-kaċċaturi f’dawl ikrah. L-intenzjoni kienet li tirkeb fuq l-antipatija li numru ta’ kaċċaturi kapċii joħolqu. Il-kampanja tal-LE ma tkellmitx fuq il-kaċċa iżda fuq il-kaċċaturi.

    L-effett tal-kampanja tal-LE kien li kull min għandu xi qraba tiegħu li huma kaċċaturi (u hemm ħafna hekk), mingħajr ma ried beda jqabbel l-istampa li taw il-LE tal-kaċċaturi ma’ dawk il-qraba. U ħafna drabi hemm bdew jaraw li l-istampa li taw il-LE fil-kampanja ma kinitx taqbel mar-realtà. Meta raw hekk, raw li ma kinux qed imorru kontra xi valur tagħhom meta vvutaw IVA għaliex ir-realtà tagħhom kienet taqbel ħafna mal-istampa li pinġew l-IVA. Dawn qagħdu attenti li jġibu stampi ta’ kaċċaturi li qed jieħdu ħsieb l-ambjent u huma nies responsabbli. Sa bagħtu kaċċaturi l-Kenja biex jibnu xi skola! Għalhekk irnexxiet il-kampanja tal-IVA.

    Kien hemm affarijet oħra. Filwaqt li tal-IVA użaw il-kuntatt personali biex jinfluwenzaw, speċjalment il-qraba permezz ta’ kuntatt dirett, il-kampanja tal-LE kienet aktar fuq il-media. Barra minn hekk ma ppruvawx jinfluwenzaw il-postijiet fejn il-kaċċa hi popolari. Ingħalqu f’postijiet fejn kien hemm maġġoranza favur il-LE.

    Fattur ieħor kien li l-IVA ħarġu l-voti kollha tagħhom filwaqt li l-LE ma għamlux sforzi kbar biex jassiguraw li dawk li jaqblu magħhom joħorġu jivvutaw. Dan kien b’kuntrast ma’ dak li għamlu l-kaċċaturi li ħarġu barra minn triqthom u għamlu dak kollu possibbli biex kull vot li kellhom jiġi rifless fir-riżultat. Ħaduha bis-serjetà u kellhom ir-riżultat li xtaqu. Jien ċert li kieku l-LE ħarġu l-voti tagħhom kollha, ir-riżultat mhux dak li hu. Biss la ma sarx hekk ir-riżultat li jgħodd hu dak uffiċjali.

    L-istess hemm min qed iwaħħal f’Joseph Muscat li rebħu l-IVA. Fuq il-kaċċa ma’ Joseph Muscat ma naqbilx, iżda bl-ebda mod ma nista’ ngħid li hu rebbaħ naħa u tellef lill-oħra. Iż-żewġ naħat inqdew b’dak li qal Muscat fir-reklami tagħhom. Min qed imexxi din l-idea għandu skop ieħor – dak li jnessi li ż-żewġ partiti l-kbar farfru minn fuq spallithom ir-responsabbiltà li jmexxu l-poplu ‘l quddiem fuq din il-ħaġa. Biex tiskonġra trid tkun pur. Iż-żewġ partiti jridu jaħdmu biex juru li l-ambjentalisti għandhom post. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista m’għandux passat sabiħ f’dan ir-rigward, il-Partit Laburist, permezz tal-ħidma tiegħu fil-Gvern, jista’ fil-futur ikun f’pożizzjoni li jipproġetta ruħu bħala partit ambjentalista.

    Vantaġġ ieħor li kellhom il-kaċċaturi kien li kellhom għaqda li permezz tagħha jistgħu jorganizzaw ħafna affarijiet, fosthom il-kuntatti u li joħorġu l-vot. Din kienet xi ħaġa li l-LE ma kellhomx, u hemm raġunijiet għaliex.

    Nemmen li wasal iż-żmien li fuq din il-ħaġa nimxu ‘l quddiem. S’issa l-attitudni biex innaqqsu l-kaċċa kienet dejjem negattiva – jew innaqqsu ż-żmien tagħha jew inżidu l-pieni. Nemmen li dawn mhux biżżejjed. Irridu nużaw tattika oħra biex niskoraġġixxu l-kaċċa. Waħda minnhom hi li ninkoraġġixxu l-isport f’kull qasam.

    Jekk inħarsu lejn il-kaċċa sew, x’inhi dik il-hħla li tattira lin-nies għall-kaċċa? Hi dik il-ħila li toħroġ f’kull ħaġa oħra, speċjalment il-logħob. Il-ħila hi dik li tolqot xi ħaġa li tkun qed tiġri. Il-qofol ta’ ħafna logħob fuq il-kompjuter hu l-istess bħal tal-kaċċa. Sport li għandna u li dejjem morna tajjeb kien l-isparar fuq il-plattini. Għalhekk nemmen li l-Gvern għandu jinkoraġġixxi dan l-isport billi jagħti sussidji u jħajjar liż-żgħażagħ għal dan l-isport.

    In-negattività biss ma taħdimx. Il-kamp tal-LE jrid jifhimha u jaċċettaha. Nemmen li jkun żball kbir li l-LE jaqtgħu qalbhom u jżarmaw. Għad hemm ħafna xi jsir. Fosthom li jirranġaw l-organizzazzjonijiet tagħhom. S’issa dawn dejjem ipproġettaw ruħhom bħala elite u għalhekk m’għandhomx organizzazzjoni wiesgħa fil-livell tan-nies komuni. Fost affarijiet oħra, li hemm bżonn li jagħmlu hi li jkabbru l-ħajra li n-nies jaraw il-varjetajiet ta’ għasafar li jżuruna u fejn qed ikunu biex in-nies ikunu jistgħu jarawhom. Hemm xi ħaġa bi tqila li joħorġu kartolini żgħar ta’ dawn l-għasafar? Ċert li t-tfal jiġġennu fuqhom. Kien b'dan il-mod, u mhux il-mod negattiv, li l-pijunieri f’dan il-qasam wasslu ġenerazzjonijiet biex ikunu sensittivi għall-ambjent. Hu dmir tagħna li nagħmlu l-istess.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook