Il-melħ fil-ħobż

  • Mar 25, 2015 11:17
  • Miktub minn

    Bħalma semmejt il-ġimgħa li għaddiet, it-tema ta' Jum il-Konsumaturi kienet dwar id-dieta tagħna speċjalment dwar il-melħ, iz-zokkor u x-xaħmijiet li nieklu. Semmejt ukoll li s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ipponta lejn il-melħ fil-ħobż Malti.

    Il-kumment tas-Segretarju Parlamentari ma ntgħoġobx minn Kristina Chetcuti, tant li fi ħmistax kitbet żewġ artikli fit-Times dwar dan. L-ewwel argument kien li l-ħobża Maltija ma fihiex ħafna melħ, it-tieni li ħobża Maltija b’inqas melħ mhix ħobża Maltija, it-tielet li l-gvern ser ineħħilna l-pjaċiri kollha u r-raba’ li aħjar Fearne jara kif ser isolvi n-nuqqas ta’ sodod.

    Niġu għall-ewwel argument. Li kieku fittxet kemm hu rakkomandat li nieħdu melħ, kienet tittendi li Chris Fearne kellu raġun. Huma biss 5 grammi kuljum. Meta tqis li skont l-istess artikli ħobża Maltija fiha madwar 4 grammi melħ, allura ssib li Fearne kellu raġun li jiffoka fuq il-ħobża Maltija għaliex hi sors importanti ta’ melħ li nieħdu kuljum.

    It-tieni argument hu li ħobża Maltija b’inqas melħ mhix ħobża Maltija. L-istess artiklu jwaqqgħu dan l-argument għaliex jissemma li qabel il-ħobża Maltija kellha ħafna aktar melħ. Dan juri li jew il-ħobża Maltija m’għadhiex ħobża Maltija, jew il-melħ mhux daqshekk importanti. Fil-fatt fl-istess artikli jissemma li l-aktar ħaġa importanti għall-ħobża Maltija hi l-ħmira, it-tinsila u ħin adattat biex il-ħmira tiffermenta sew.

    It-tielet argument hu li jista’ jkun li l-gvern se jneħħilna l-pjaċiri kollha għax wara jdur għaz-zokkor fil-pasti u x-xaħmijiet. Illum m’hemmx bżonn il-gvern biex jgħidilna dawn l-affarijiet għaliex ħafna min-nies waħedhom qed joqogħdu attenti. Barra minn hekk il-gvern għandu dmir li jagħmel kontrolli fuq affarijiet li jagħmlu d-deni. Dawn l-affarijiet, skont istituzzjonijiet bħall-WHO, illum qed jikkaġunaw aktar imwiet mis-sigaretti u qed iġibu tbatija lin-nies u piż kbir fuq sistemi ta’ saħħa statali.

    L-aħħar argument hu li l-gvern aħjar jieħu ħsieb li jsolvi n-nuqqas ta’ sodod. Naħseb li kulħadd jaf li hemm attività għaddejja biex dawn jiżdiedu. Dak li ilu għaddej għexieren ta’ snin ma jistax jissolva f’tebqa t’għajn. Fuq kollox minħabba li l-popolazzjoni ta’ Malta dejjem qed tixjieħ, il-bżonn ta’ aktar sodod ser jikber. Biss tajjeb infakkru li jekk nieħdu ċerti miżuri biex nassiguraw li nevitaw il-mard tal-qalb u d-dijabete, inkunu qed innaqqsu l-pressjoni fuq is-sodod tal-isptar.

    L-aħħar artiklu tagħha, biex qisha tinkini, spiċċatu billi kitbet li waqt li kienet qed tikteb l-artiklu kienet qed tiekol biċċa ħobż tal-Malti sħuna mimlija butir. Sa ċertu punt, jekk ma tridx tieħu ħsieb saħħitha affari tagħha. Għedt sa ċertu punt għaliex fuq kollox min iħallas it-taxxi jinteressah li t-taxxi li qed iħallas, u li ħafna minnhom imorru għal servizz tas-saħħa, jintużaw għal min għandu bżonn u mhux għaliex ġab il-kundizzjoni jew mard b’idejh.

    Il-ħinijet tal-ftuħ tal-ispiżeriji

    Kienet saret konsultazzjoni dwar min għandu jikkontrolla l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Dan għaliex il-Gvern kien qed jipproponi li l-ħinijiet għandhom jitwessgħu biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jinqdew malajr.

    Il-pożizzjoni tal-Ghaqda tal-Konsumaturi kienet konsistenti ma’ dik li kienet ħadet snin ilu – illi l-ħajja nbidlet u huma s-sidien li għandhom jiddeċiedu meta jiftħu. Biss dakinhar kienet ittieħdet l-okkażjoni sabiex nipproponu li din il-proposta għandha wkoll tgħodd għall-ispiżeriji peress li dan hu servizz essenzjali.

    Din il-proposta kienet ukoll saret mill-istess għaqda meta kien hemm konsultazzjoni mill-Ministeru tas-Saħħa dwar il-mediċini. Minn dak li ġie mxandar, jidher li l-Gvern jixtieq li l-ħinijiet tal-ftuħ għall-ispiżeriji jitwal. Dan ħareġ minn laqgħa li l-GRTU għamlet għall-membri tagħha li jmexxu spiżerija.

    Ħaġa li nnutajna li għalkemm dan hu settur protett ħafna, il-maġġoranza tal-ispiżeriji jaqblu li l-ħinijiet għandhom jiġu estiżi. Jien nemmen li l-ispiżeriji għandhom ukoll jingħataw iċ-ċans li jiddeċiedu l-ħinijiet tagħhom. Biss peress li dan hu servizz essenzjali għall-konsumaturi billi jirrigwardja s-saħħa, nemmen li dan għandu jsir biss meta spiżerija tiddeċiedi li tiftaħ aktar min-normal.

    Fuq kollox is-sistema preżenti għandha tiġi estiża billi fir-roster Ii tixxandar mill-Gvern tal-ftuħ ta’ spiżeriji fil-Ħdud u festi, jiġi żgurat li f'kull lokalità jkun hemm spiżerija waħda li tiftaħ. L-oħrajn jiftħu jekk ikunu jridu. B’hekk nemmnu li l-konsumaturi, speċjalment dawk anzjani, ikunu moqdija minkejja li ħafna drabi saħħithom ma tippermettilhomx li jixtru minn spiżeriji ‘l bogħod.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0