L-għarfien tal-unions

  • Mar 18, 2015 13:20
  • Miktub minn

    F’pajjiż fejn m’għandekx federazzjoni tal-unions, l-għarfien tal-unions fuq il-post tax-xogħol hu kwistjoni taħraq sakemm dan ma jkunx irregolat mil-liġi tal-pajjiż. Fejn għandek federazzjoni tal-maġġoranza tal-unions, issib li din tkun fasslet regoli għall-unions membri tagħha kif għandu jsir l-għarfien meta jkun hemm xi kwistjoni. Ħafna drabi ssib li jkun hemm regolamenti kif il-unions għandhom jaġixxu fejn ikun hemm aktar minn union waħda fuq post tax-xogħol biex ma jkunx hemm kwistjoni bejn il-unions.

    F’Malta qatt ma wasalna għal federazzjoni waħda tal-unions li tiġborhom kollha f’waħda. Barra minn hekk, il-liġi hi siekta dwar il-proċeduri li għandhom jittieħdu mid-Direttur tax-Xogħol biex jiġi stabbilit liema union għandha jkollha għarfien ewlieni.

    Diretturi differenti ġeneralment dejjem żammew mal-prattika li jiċċekkjaw il-kotba tal-unions u wara jiddeċiedu fuq liema union għandu jkollha l-għarfien. Din il-prattika kienet inbidlet f'dawn l-aħħar snin u kienet ġabet diżgwid peress li l-metodu li kien qed jintuża la kien trasparenti u lanqas demokratiku. L-għarfien għall-unions hu importanti għaliex pereżempju huma jkunu involuti fin-negozjar tal-ftehim kollettiv. Biss ma jfissirx li ma jistax ikollok żewġ unions jinnegozjaw flimkien, għalkemm fir-realtà din tkun ħaġa diffiċli.

    X’inhuma ċ-ċansijiet li jkollna federazzjoni tal-unions? Personalment nemmen li l-possibbiltà li naslu għal dan il-punt ma teżistix. Ir-raġuni hi li jekk ikun hawn federazzjoni, l-impatt fuq iż-żewġ unions kbar ikun qawwi meta tqis ir-rwol li għandhom sew fuq livelli Ewropej u sew fuq livell internazzjonali.

    Għalhekk is-soluzzjoni hi li din is-sitwazzjoni tkun regolata permezz tal-liġi biex ma jkunx hemm ambigwità. Personalment inħoss li din tkun sfortuna minn naħa għaliex meta jkun hemm liġi jfisser li r-relazzjoni tagħna ser tkun waħda iebsa ma’ xulxin u jkollna ħafna okkażjonijiet fejn id-deċiżjoni ma tkunx iffurmata permezz ta’ taħditiet jew ftehim imma imposta minn Qorti. Mhux hekk biss, iżda d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq liġi u mhux fuq ir-realtà.

    Bidla kulturali, imma...

    Ġieli ktibt fuq ir-regolaturi, ġeneralment dawk li suppost jieħdu ħsieb l-interessi tal-konsumaturi. Biss illum, għalkemm dak li ser nikteb jgħodd għalihom ukoll, ser insemmi l-Awtorità li suppost qed tieħu ħsieb is-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol – l-OHSA.

    Dan ghaliex riċentament kien hemm editorjal f’waħda mill-gazzetti dwar is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. L-editorjal semma l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema. L-editorjal dar dawra durella għaliex l-ewwel semma li l-attitudni tal-OHSA hi li nedukaw u wara nkiteb li dan mhux biżżejjed u li hemm bżonn jibdew jittieħdu l-passi u napplikaw il-liġi bis-serjetà.

    Meta semma l-infurzar tal-liġi, semma li l-pieni mhumiex ta’ detriment, peress li huma baxxi, u qal li anki jekk jiżdiedu, xorta jkollna min ma jobdix. Għalhekk, skont dan l-editorjal, l-OHSA għandu jkollha l-poter li twaqqaf post tax-xoghol milli jkompli jopera. Biss wara nkiteb li peress li għandna bżonn bidla kulturali, l-edukazzjoni hi l-aħjar.

    Ġieli ktibt li minn studji li saru f’ħafna oqsma, dejjem intwera li għalkemm f’dawn l-affarijiet l-edukazzjoni hi importanti, biss waħedha mhux biżżejjed u dejjem ikun hemm il-ħtieġa li jkun hemm infurzar, inkella kulma tagħmel l-edukazzjoni hu li tagħti sens falz ta’ sigurtà.

    Din tal-edukazzjoni hi popolari ħafna mal-awtoritajiet li għandna Malta. U r-raġuni hi sempliċi. Hi triq ħafifa ghall-awtoritajiet għaliex jistgħu jibqgħu wara l-iskrivanija, ma jirfsu l-kallu ta’ ħadd, u jwaddbu r-responsabilità li għandhom huma fuq ħaddieħor.

    Niġu għall-OHSA. Għadni niftakar li f’waħda mil-laqgħat li kienu organizzati qabel Malta daħlet fl-UE, laqgħa li kienet dwar is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, wara taħdita minn esperta Ingliża fuq dan is-suġġett, fil-ħin tal-mistoqsijiet ir-rappreżentant tal-OHSA kien staqsa għaliex tul it-taħdita l-enfasi kienet dwar ir-responsabilità li l-awtorità responsabbli tieħu azzjoni, u mhux fuq l-edukazzjoni. L-esperta kienet ċara. L-edukazzjoni hi neċessarja iżda mhix suffiċjenti biex tiżgura s-saħħa tal-ħaddiema, minbarra l-fatt li ddum ma taħdem u sadanittant jistgħu jintilfu l-ħajjiet.

    Għalhekk nemmen li l-bidla kulturali li hemm bżonn l-ewwel ma trid tibda fuq l-awtoritajiet, li hemm bżonn iqumu mir-raqda li ilhom fiha s-snin u juru li huma mhumiex tigri tal-karti, u s-snien li tathom il-liġi qegħdin hemm biex jigdmu u mhux biex inżejnu bihom. Personalment, nemmen li dan id-diskors kien waqa’ fuq widnejn torox.

    Minn dak iż-żmien 'l hawn, mhux ħajja waħda ntilfet barra l-fatt li ċ-ċittadini ilhom snin iħallsu l-miljuni ta’ euros għalxejn.

    Nemmen li s-soluzzjoni hi li min qed imexxi dawn l-awtoritajiet għandu jkun kontabbli lejn iċ-ċittadini li qed iħallsu t-taxxi. Is-sistema għandha tagħmel lill-Ministru responsabbli ta’ dak li jiġri – jaf u ma jafx bih. L-obbligu pubbliku waħdieni ta’ dawn l-awtoritajiet hu li jressqu rapport annwali. Biss dan mhux biżżejjed. Filwaqt li l-Ministru għandu jkun responsabbli għall-policy, hu min qed imexxi l-awtorità li hu responsabbli għal dak li jkun qed jiġri f’din l-awtorità.

    Hu għalhekk li nemmen li l-Parlament għandu jaħtar kumitati biex iġibu lil min qed imexxi dawn l-awtoritajiet quddiemhom u jkollu jirrispondi għal dak li tkun qed tagħmel, jew ma tagħmilx, l-awtorità partikolari. Hu hekk biss li nkissru r-relazzjoni li ilha teżisti li l-ministri u min qed imexxi dawn l-awtoritajiet iħokku dahar xulxin (billi l-ministru jiddefendi lill-awtoritajiet fil-Parlament għall kull nuqqas u dawn tal-aħħar dejjem jimxu mhux kif għandhom jaġixxu iżda jpoġġu l-għan prinċipali tagħhom li ma jagħmlu xejn li jdaħħlu lill-ministru fi problemi billi jinfurzaw il-liġi),.

    S’issa jiddispjaċini ngħid li ħafna drabi l-awtoritajiet f’Malta kienu falliment u nefqa ta’ flus akbar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook