X’ser nagħżlu'

  • Mar 03, 2015 13:00
  • Miktub minn

    Din il-ġimgħa kellhom jibdew jitqassmu l-voti għar-referendum. Referendum li mhux ser jiddeċiedi xi issue politika, iżda waħda dwar l-ambjent u sa ċertu punt il-mod tal-ħajja li rridu ngħixu.

    Dan ir-referendum issejjaħ biex niddeċiedu jekk għandniex inħallu l-kaċċa fir-rebbiegħa. Tajjeb ngħid li ma nistax inqis ruħi ambjentalista. Dan għaliex trabbejt fi żmien fejn l-ambjent ma kienx xi valur importanti. Kien żmien meta l-aktar ħaġa importanti kienet li n-nies ikunu jistgħu jgħixu ta’ nies u fejn il-faqar, jekk ma jispiċċax, jonqos f’soċjetà li tagħti lil kulħadd ċans biex javvanza.

    Illum inħossni aktar sensittiv għall-ambjent għaliex rajtu jiġi mkasbar b’mod li llum qed inħallsu għal dak li għamilna. Ħassejt l-arja tinbidel u fejn qabel ma kontx inbati bil-‘hay fever’, illum mhux l-ewwel darba li nħossu. Fejn qabel anki ġol-Belt kont tara friefet u xi nannakola, dawn inqatgħu. Dawn huma żewġ eżempji li laqtu lili personali. Ċert li ħaddieħor għandu ħafna aktar eżempji ħajjin minn dawn.

    Fejn qabel l-ambjent kien xi ħaġa li rridu naraw kif nisfruttawh, illum irridu naraw li dan nagħmluh b’mod li hu sostenibbli. Malta hi dik li hi – gżira żgħira b’popolazzjoni kbira għad-daqs tagħha. Dan il-fattur biss hu xi ħaġa li tkagħbar l-ambjent, aħseb u ara fatturi oħra bħall-iskart li nħallu warajna, l-arja mniġġsa li ħloqna bil-karozzi, u t-telqa ta’ postijiet fejn ma narawx opportunità li nisfruttawh.

    Biss minkejja li qatt ma kont sensittiv ħafna għall-ambjent, qatt ma kelli grazzja mal-kaċċa. L-aktar ħaġa li kienet iddejjaqni kienet li l-kaċċaturi qatt ma jagħtu ‘a fair chance’ lill-għasafar. Dejjem kont inqabbilha bħallikieku kont inkun għaddej b’moħħ ir-riħ u f’daqqa waħda nisma’ tiri madwari għax xi ħadd qed jipprova joqtolni mingħajr ma jagħtini ċans li niddefendi ruħi. Din kienet xi ħaġa li qatt ma stajt għaliha!

    Illum is-sitwazzjoni nħares lejha aktar differenti. Dan għaliex illum inħares lejn il-kaċċa bħala qtil ta’ ħlejjaq oħra - xejn għajr qtil bla bżonn tal-għasafar. Diġà hu biżżejjed li biex ngħixu jkollna noqtlu l-annimali u neqirdu ħafna frott. Fi żmien meta l-bniedem kien jiddependi biss fuq il-kaċċa biex jgħix kienet xi ħaġa li tista’ tqisha bħala ‘a necessary evil’. Dan għaliex xorta kien ikun qtil.

    Imma llum ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu f’dinja bħal dik. Illum kapaċi nrabbu l-annimali, iva biex nieklu, iżda mhux sempliċiment biex xi ħadd jieħu gost jispara fuq ħlejqa innoċenti.

    Minkejja dan, xorta sa ftit ilu l-kwistjoni tal-kaċċa ma kontx sensittiv għaliha. Illum xorta oħra. Dan għaliex dan ir-referendum ħareġ ħwejjeġ oħra. L-aktar li ħareġ hi l-arroganza ta’ min qed imexxi lill-kaċċaturi. Dan ħareġ car meta min qed imexxi l-kaċċaturi, filwaqt li ammetta li huma f’minoranza, ried iwaqqaf li l-poplu jiddeċiedi. Wieħed mill-aktar prinċipji importanti tad-demokrazija hu li r-rieda tal-poplu trid tinstema' u ma tistax tiġi mwarrba minn grupp, ikun min ikun.

    Ħaġa oħra hi li dawn iqisu li l-kaċċa hi dritt. Biex naraw jekk dan l-argument hux tajjeb, nistaqsu ċerti mistoqsijiet. Hu dritt ta’ xi ħadd li jispara fuq il-klieb? Hu dritt ta’ xi ħadd li jispara fuq qattus? Hu dritt ta’ xi ħadd li jaqfel kelb ġo gaġġa sempliċiment biex joqgħod jitpaxxa bih? Naħseb li kulħadd jaqbel li dawn l-affarijiet mhux talli mhumiex dritt, iżda ksur tal-liġi. Allura l-għasafar huma xi kreatura anqas mill-klieb u l-qtates? Meta nistaqsu dan, nittendu li dan id-dritt ma jeżistix, anzi min jaċċetta dan ikun qed jgħid li l-moħqrija u l-qtil tal-annimali huma dritt ukoll.

    Niġu għar-referendum. X’inhuma ċ-ċansijiet li dan ir-referendum iwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa? Personalment inħoss li ċ-ċansijiet huma żgħar. Ir-raġuni hi li l-aktar nies li huma sensittivi għal din il-kwistjoni huma l-kaċċaturi – jiġifieri l-minoranza. Ħafna nies jiġu jaqgħu u jqumu jekk tkomplix il-kaċċa jew le. Ir-raħuni hi li la tolqothom naħa u lanqas l-oħra.

    Barra minn hekk, biex int tmexxi kampanja trid il-flus. Kemm hu faċli għal dawk li ma jridux kaċċa biex jiġbru flus? Żgur li hu ħafna aktar diffiċli milli għal dawk li jridu l-kaċċa. Dan bħalma semmejt għaliex dan ir-referendum jolqot aktar fil-laħam il-ħaj lil dawk li jridu l-kaċċa u l-qtil tal-għasafar.

    Il-kampanja taż-żewġ naħat s’issa għadha kalma ħafna, speċjalment min-naħa tal-Le. Il-kampanja ta’ dawk li jridu l-kaċċa s’issa hi aktar vivaċi u aktar għad-deher għaliex il-kampanja qed tkun immirata li tipproġetta lill-kaċċaturi mhux bħala nies li jisparaw biex joqtlu l-għasafar iżda nies li jħobbu l-ambjent u jibżgħu għan-natura. Jista’ jkun hemm min jimpressjona ruħu, iżda l-maġġoranza jafu li dawn huma l-istess nies li jrid ikollhom id-dritt li joqtlu l-għasafar f’kull rebbiegħa.

    Jekk naqilbux qtil tal-għasafar fi dritt hu f’idejna. Nistghu nagħtu dan id-dritt billi nivvutaw favur il-kaċċa jew billi ma mmorrux nivvutaw. Min ma jivvutax ikun qed jgħid li ma jimpurtahx mill-qtil bla bżonn ta’ kreaturi oħra – l-għasafar. Id-deċiżjoni hi f’idejna – jew nivvutaw u ‘we stand and be counted’ jew noqogħdu kwieti u nagħmlu bħalma nagħmlu s-soltu – ingergru biss u nħallu l-qtil tal-għasafar għaddej!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook