Banek

  • Fra 25, 2015 15:06
  • Miktub minn

    Il-banek, minn mindu nħolqu, dejjem kienu jiffurmaw l-aktar parti b’saħħitha tal-grupp finanzjarju li fih innifsu għandu saħħa kbira f’kull pajjiż. L-influwenza li dejjem kellhom qatt ma naqset, iżda żdiedet.

    L-akbar daqqa li qalgħu kienet fil-kriżi finanzjarja li kellna ftit snin ilu fejn il-lenti kienet intefgħet fuq istituzzjonijiet finanzjarji, speċjalment il-banek. Kellna kriżi f’numru ta’ banek li qatt ħadd ma basar li kienu ser isibu ruħhom fi problemi u kien ser ikollhom bżonn l-intervent tal-gvern tal-pajjiż biex isalvaw.

    Waqt li kienet għaddejja l-kriżi tal-banek, intqalu ħafna affarijiet fuq kif il-ħidma abbużiva tal-banek, fost oħrajn, kienet wasslet għal kriżi. Kif kienet stabbilizzat is-sitwazzjoni, il-banek mill-ewwel reġgħu ġew f’tagħhom u mhux biss żammew il-pożizzjoni influwenti tagħhom, iżda saħħewha. Minkejja dan, xorta baqgħu ħerġin rapporti dwar kif kienu jaħdmu.

    Ftit ilu ġie żvelat li l-fergħa tal-Private Banking tal-HSBC fl-Iżvizzera tat pariri fuq kif klijenti li ddepożitaw flushom ma’ din il-fergħa setgħu jevadu t-taxxa f’pajjiżhom. Din l-aħbar laqtet ħafna pajjiżi, fosthom lil Malta, fejn issemmew nies li kellhom kont bankarju f’din il-fergħa. Il-fatt li din il-fergħa kienet qed tagħti pariri biex jevadu t-taxxa kellha dak l-impatt kollu għaliex l-Iżvizzera, minħabba l-attitudni tagħha li tpoġġi s-sigriet tal-klijienti bankarji fuq kull ħaġa oħra, dejjem kienet meqjusa bħala l-pajjiż fejn tista’ tpoġġi l-flus tiegħek f’post li ħadd ma jista’ jmisshomlok u fl-istess ħin ‘il bogħod minn kull gvern ieħor fosthom tiegħek.

    Dan il-każ qajjem dak il-furur minħabba li kienet waħda mill-ftit okkażjonijiet li ppruvat tagħti din l-impressjoni.

    Il-ħasra hi li l-enfasi li qed tingħata f’dan il-każ mhux fuq kif jaħdmu l-banek iżda fuq in-nies li kienu involuti. Ir-raġuni hi li kont bankarju fl-Iżvizzera dejjem kien iġib miegħu żewġ mistoqsijiet: Minn fejn ġew il-flus u jekk kienx hemm evażjoni tat-taxxa fil-pajjiż tal-individwu. Hu għalhekk li l-attenzjoni ta’ ħafna nies u l-media ntefgħet hemm. Biss il-fatt li xi ħadd għandu kont bankarju fl-Iżvizzera ma fih xejn ħażin sakemm dan ikun ġabhom minn sorsi leġittimi u kien qed iħallas it-taxxa fuq l-imgħax li jaqla’ minn fuqhom.

    Għedt li hi ħasra għaliex l-attenzjoni kellha tintefa' fuq kif joperaw il-banek peress li dawn dejjem ippretendew li huma ‘l fuq minn kulħadd, sew fuq l-importanza tagħhom iżda anki għas-serjetà li jħaddnu. Fil-fatt, kif jitkellmu u kif jippruvaw jipproġettaw ruħhom, taħsibhom li huma verġni aktar mill-verġni. Sa ċertu punt din tifhimha għaliex l-operat tagħhom jiddependi fuq l-impressjoni li għandhom tagħhom in-nies ta’ dak il-pajjiż li fih joperaw. B’hekk tiġi l-fiduċja fis-sistema bankarja.

    Biss din ma kinitx xi ħaġa stramba li l-attenzjoni tiġi ddevjata minn fuq il-banek. Kulma jrid hu li wieħed jiftakar li filwaqt li l-banek bl-imġiba tagħhom kienu fattur importanti għall-kriżi, u filwaqt li qabel ma stabbilizzat is-sitwazzjoni kien jingħad ħafna kliem mill-gvernijiet dwar il-passi li kellhom jieħdu biex jaraw li l-banek jimxu bi prudenza, xorta ma ġara xejn.

    Għaliex l-enfasi għandha tkun fuq il-banek? Għaliex dawn huma istituzzjonijiet finanzjarji li ser jibqgħu. Huma istituzzjonijiet importanti f’kull ekonomija. Huma istituzzjonijiet li mhux l-ewwel darba jiddeterminaw kif l-ekonomija timxi. Jekk iridu jiftħu l-ekonomija, jafu kif jimxu, bħal meta jridu jifgaw ekonomija. L-ebda ekonomija ma tista’ timxi mingħajrhom. Hu minħabba dan li l-gvernijiet jagħtuhom importanza kbira u jagħmlu minn kollox biex ma jdejquhomx, anki meta l-politika tal-gvern ma tkunx taqbel preċiż ma’ dik tal-banek. Mhux l-ewwel darba li jkunu l-gvernijiet li jibdlu l-politika tagħhom biex jissodisfaw lill-banek. Huma l-banek li jagħmlu l-gvernijiet u huma l-banek li jkissru l-gvernijiet.

    Hu għalhekk li l-attitudni għandha tkun li filwaqt li tagħtihom lok fejn joperaw u li jużaw l-immaġinazzjoni biex ikabbru l-operat tagħhom, dan isir f’qafas ta’ standards li jkabbru s-serħan tal-moħħ li dawn joperaw b’mod aktar sigur. Hu għalhekk li riċentament fil-livell Ewropew daħħlu l-istress test fuq numru ta’ banek li jiġu magħżula f’kull pajjiż. Stress test li jagħti indikazzjoni jekk bank jiflaħx għal ċerta pressjoni jew taqlib, jew jikkrollax mal-ewwel mewġa. Żgur li dan l-isforz mhux ser isolvi l-problemi kollha, biss tista’ tgħid kien l-uniku pass li ttieħed.

    Ħaġa li suppost nitgħallmu minn din il-ġrajja hi li l-idea ta’ kontrolli interni mill-industrija stess, biex jiggarantixxu standards ta’ kif jimxu skont l-etika u l-liġijiet, ma jaħdmux. La jaħdmu Malta u lanqas barra minn Malta. Jidher li fejn hemm il-flus, dawn l-affarijiet ifallu. Hu l-istat bl-istituzzjonijiet regolatorji tiegħu li jrid jiggarantixxi li dawn qed jimxu sew.

    Dan il-każ ukoll jindika li biex ikollok sistema li taħdem tajjeb, il-liġijiet huma importanti iżda mhux biżżejjed. Irid ikun hemm infurzar fuq kulħadd. Dan ma jfissirx li noħolqu sistemi riġidi u ebsin li ma jħallux lill-operaturi jiffunzjonaw. Iżda lanqas ifisser li sakemm ma jkun hemm xejn li jindika li xi ħaġa sejra ħażin, kollox miexi tajjeb. Ir-regolaturi jridu jkunu aktar proattivi billi jagħmlu random spot checks li jagħtu stampa ta’ kif l-operaturi jkunu qed jimxu. Fuq kollox iridu jkunu ġusti u trasparenti.

    Minn kif qed tiġi ppreżentata din il-kwistjoni, jidher li anki minn dak li ġie żvelat, xorta mhu ser nitgħallmu xejn u kollox ser jibqa’ miexi kif kien qabel. B’hekk il-banek ser jibqgħu ‘l fuq minn ħaddieħor speċjalment l-influwenza tagħhom fuq kull pajjiż bi ftit jew xejn responsabbiltà ta’ trasparenza.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0