Il-hedging

  • Fra 04, 2015 10:18
  • Miktub minn

    Dan l-aħħar din il-kelma ssemmiet mhux ħażin peress li hemm il-kontroversja li l-prezz tal-petrol kellu jinżel aktar minħabba li l-prezz taż-żejt niżel. Dan ġara minħabba l-hedging. Tajjeb li naraw x’inhu dan il-hedging. Il-hedging hu kuntratt li meta ser tixtri xi ħaġa fil-futur, min ser ibigħlek ser ibigħhulek bi prezz fiss li tiftiehem bih waqt il-kuntratt, minkejja li l-prezz jista’ sew jitla’ u sew jinżel.

    Il-Gvern preżenti kien iddeċieda li jerġa’ jdaħħal il-hedging wara li għal xi snin dan kien tneħħa bir-riżultat li l-prezz tal-petrol, kull xahar, kien jiċċaqlaq. Dan għaliex, la ma jkunx hemm hedging, int trid tixtri l-petrol bil-prezz ta’ dakinhar li int tiddeċiedi li tixtri. Jekk il-prezz ikun baxx, int tgawdi; jekk il-prezz ikun għoli, trid tħallas il-prezz għoli.

    Iż-żewġ metodi għandhom it-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Il-hedging hu tajjeb meta l-prezz ikun qed jogħla u ħażin meta l-prezz ikun qed jitbaxxa. Is-sistema l-oħra hi ħażina meta l-prezz ikun qed jogħla, u tajjeb meta l-prezz ikun qed jitbaxxa. Min iħobb jew għandu bżonn stabilità, għandu bżonn il-hedging għaliex dan hu li jwassal għal prezz li jkun moderat u stabbli.

    Żgur li dawk li jixtru l-bżonnijiet tal-familja jifhmu dan u huma stess iridu li jekk jista’ jkun il-prezzijiet jorħsu, iżda fuq kollox iridu l-istabilità. Dan għaliex id-dħul tal-familji ħafna drabi jkun wieħed stabbli. Għalhekk il-persuna li tkun inkarigata trid tikkalkula kemm tista’ tonfoq. Ħadd ma jmur jixtri, jekk ma jkunx sinjur, minghajr ma jqis il-prezz. Sinjuri ftit hawn u għalhekk il-maġġoranza kbira tan-nies iridu stabilità. Nuqqas ta’ stabilità, speċjalment meta l-prezzijiet ikunu qed jogħlew b’rata mgħaġġla, iġib nuqqas ta’ sigurezza.

    Dan rajnieh meta ftit snin ilu l-gvern kien qed jgħolli l-prezz tal-elettriku b’rata mgħaġġla. Tant ħoloq inċertezza li r-reazzjoni tan-nies kienet waħda li tistenna. Ħafna f’daqqa waħda għafsu l-brake kollu. Tant hu hekk li ħafna bdew iqisu li kien qed ikun għoli ħafna li żżomm temperatura sodisfaċenti sew fis-sajf u sew fix-xitwa, bir-riżultat li fix-xitwa kienu jħallu d-dar kiesħa u fis-sajf forn. Dan kien jidher speċjalment fil-Milied fejn id-dawl li kienu jużaw in-nies biex iżejnu kien naqas bil-kbir.

    L-istabilità fil-prezzijiet hi xi ħaġa mixtieqa minn ħafna setturi speċjalment in-negozju. Ir-raġuni hi li negozju jkun irid jiffissa prezzijiet għall-futur. Jekk jien manifattur, żgur li għandi katalgu ta’ kemm huma l-prezzijiet tal-oġġetti li jien qed nimmanifattura u nbigħ. Dawn il-prezzijiet aktar ma jkunu stabbli aktar inħajjar nies li jixtru. Jekk il-prezzijiet tiegħi huma tali li jinbidlu kull ġimgħa, ftit huma n-nies li ser jixtru mingħandi. Ir-raġuni hi li x-xerrej ukoll irid li l-prezzijiet ikunu stabbli.

    Sintendi l-hedging mhux xi ħaġa faċli għaliex int trid tagħmel il-kalkoli tiegħek fuq kif taħseb li ser ikun il-prezz fil-futur. Il-prezz tal-petrol jiddependi fuq il-prezz taż-żejt. Il-prezz taż-żejt jaħdem bħall-prezzijiet l-oħra, minbarra l-fatt li fatturi politiċi huma aktar importanti. Għalhekk biex tagħmel il-hedging trid tara kemm il-fornituri taż-żejt ser ikunu kapaċi jlaħħqu mad-domanda li jkun hemm. Pereżempju, din il-waqgħa li kellna kienet ġejja minn tliet fatturi – il-produzzjoni li qed tiżdied tal-gass u żejt mix-shale, l-attività ekonomika madwar id-dinja li naqset, u l-prezz tad-dollaru. Dawn huma fatturi ekonomiċi li huma influwenzati ħafna minn deċiżjonijiet politiċi.

    Ħa naraw daqsxejn il-fattur tal-produzzjoni tal-gass u ż-żejt mix-shale. Dan hu riżors ġdid li minnu noħorġu rizorsi li minnhom nistgħu nieħdu l-enerġija u għalhekk il-prezz tiegħu hu għoli. Kien possibbli li dan jiġi żviluppat minħabba l-prezz għoli taż-żejt. Kien sors li ġab ċerta stabilità fil-prezz speċjalment minħabba li numru ta’ postijiet li kienu jipproduċu ż-żejt xejn ma huma stabbli politikament. Dan flimkien man-nuqqas fid-domanda, is-soltu jġib reazzjoni mill-produtturi taż-żejt billi jnaqqsu l-produzzjoni u b’hekk il-prezz iżommuh għoli.

    Veru li minkejja li l-produtturi huma organizzati u mhux l-ewwel darba li ħadmu bħala cartel, din id-darba dan ma seħħx. Ir-raġuni kienet li l-Arabja Sawdija baqgħet tipproduċi l-istess ammont minkejja li l-prezz għad-domanda għaż-żejt niżlet ħafna. Dan ma sarx b’kapriċċ, għaliex l-għan hu li s-Sawdi żżomm dan il-prezz baxx għal numru ta’ snin biex il-produzzjoni tax-shale titkisser u s-Sawdi jibqa’ jkollhom dominanza f’dan is-suq u wara jkunu jistgħu jgħollu l-prezz kemm iridu. Dan juri kemm hu diffiċli li tipprova tbassar il-futur. Daqskemm niżel malajr, il-prezz taż-żejt jista’ jerġa’ jisplodi ‘l fuq b’deċiżjoni politika.

    Biss x’inhi l-alternattiva għall-hedging? L-alternattiva hi li int tixtri dak li tinnegozja f'kull konsenja li tixtri. Sintendi din il-konsenja trid tkun żgħira għax inkella titlef il-vantaġġi. F’din is-sistema int ser tmur tajjeb meta l-prezz ikun nieżel iżda tiffaċċja prezz aktar għoli mid-darba ta’ qabel meta l-prezz ikun qed jiżdied. Il-prezz li tixtri bih ikun dak tal-ispot market li jvarja l-ħin kollu. Il-prezz f’nofsinhar mhux bilfors ikun l-istess prezz li kien sagħtejn qabel. Iċ-ċokon tagħna hu ta’ żvantaġġ enormi għaliex Malta kollha ma tikkunsmax enerġija wisq inqas minn belt imdaqqsa f’pajjiż ieħor. Dan litteralment iġibek bħal qasba f’maltempata.

    Dan jekk kollox jimxi sew, għaliex jekk ikollok it-tbażwir li qed joħroġ fil-Parlament u fil-midja fix-xiri taż-żejt naħseb anki Alla jistordi u jara x’jagħmel.

    Aktar ‘il fuq semmejt li l-istabilità hi xi ħaġa mixtieqa sew mill-industrija. Tajjeb nagħtu ħarsa lejn jekk il-konsumaturi jixtiqux il-hedging. Tista’ toqgħod ċert li llum, għax semgħu lil xi ħadd jgħid li l-prezz hu għoli minħabba l-hedging, dawn ser jgħidulek li ma jridux il-hedging u jridu li kull meta jinżel il-prezz dan ikun rifless fil-prezz. Iżda meta jibdew telgħin il-prezzijiet, dawn jibdew igergru għaliex ma hemmx il-hedging. Ir-raġuni hi li l-mistoqsija hi ħażina. Lill-konsumatur trid tistaqsih jekk iridx li l-prezz jinbidel ta’ spiss jew le. Sakemm ma jkunx jaf kif ser jinbidel il-prezz, żgur li jkun irid stabilità. Ħafna drabi anki meta jkun jaf il-prezz, xorta jkun irid stabilità. Dan ġie ppruvat kemm-il darba anki f’dan is-settur.

    F’pajjiżi oħra, minħabba l-kobor, il-konsumaturi jistgħu jibdlu minn fejn jixtru l-enerġija sempliċiment b’telefonata. Il-Kummissjoni Ewropea tinsisti li jkun hemm ħafna providers biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu u b’hekk ikollhom influwenza fuq il-prezz. Iżda minkejja l-kampanji kollha, hu persentaġġ żgħir ħafna li jibdel minn fornitur għall-ieħor. Dan mhux biss f’dan is-settur, iżda anki f’setturi oħra bħat-telekomunikazzjoni fejn f’pajjiżi oħra, mhux bħal Malta, għandek għażla wiesgħa u biex tibdel hu faċli, mingħajr spejjeż u taħbit. Iżda xorta sabu li l-konsumaturi ma jibdlux. Ir-raġuni hi li jridu stabilità. Għandhom affarijiet oħra aktar importanti, bħall-edukazzjoni ta’ wliedhom, x’jagħtu kas u mhux ser joqogħdu jaraw kif il-prezzijiet inbidlu biex jaqilbu ma’ ħaddieħor kull ġimgħa biex jiffrankaw ftit ċenteżmi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0