Il-paċi – kif titlaqha, titilqek

  • Jan 21, 2015 10:30
  • Miktub minn

    Ftit ilu kont qed nisma’ r-radju u wieħed mis-semmiegħa semma li l-edukazzjoni llum qed tkun aktar iffukata fuq tagħrif milli fuq iżvilupp tal-persuna. Bħala eżempju semma kif bħala bnedmin tlifna ħafna mis-sensittività tagħna għal ħafna valuri u b’hekk għal ħafna affarijiet li jkunu qed isiru madwarna fosthom il-gwerer u l-qtil ta’ ħafna nies innoċenti, fosthom tfal.

    Jekk tifli l-aħbarijiet issib li kull fejn tħares għandek xi gwerra – żgħira jew kbira, bejn żewġ pajjiżi jew gwerra interna - iżda gwerra fejn id-demm joħroġ ta’veru u n-nies imutu ta’ veru. Dawn mhux stampi ta’ films fejn naraw atturi jaqgħu mal-art. Dawn huma nies li kienu jgħixu fil-kwiet ta’ darhom, nies li għandhom il-familji, nies li jaħdmu biex itejbu l-futur tagħhom, nisa li barra li jaħdmu, kellhom sehem importanti fit-trobbija tat-tfal biex jaraw lil dawn ikunu ferħana u jkollhom futur.

    Mhux talli tilfu dan kollu iżda ħafna drabi tilfu lil dawk għeżież tagħhom, jew spiċċaw iridu jieħdu ħsieb lill-qraba tagħhom feruti. Saru nies mingħajr futur. Li tiskanta kif il-bniedem kapaċi jagħmel dan l-istraġi kollu u jibqa’ għaddej qiesu mhu xejn. Fl-Ukranja, diġà mietu aktar minn 4,000 ruħ, fosthom ħafna tfal, u ċ-ċifra dejjem tikber. Fil-Libja, eluf oħra ntilfu. Biss biss, f’ġimgħa ta’ ġlied fil-Lvant Nofsani, is-sena l-oħra ntilfu madwar 2,000 ruħ, Iżraeliti u Palestinjani, persentaġġ kbir fosthom tfal.

    Dan biss il-Palestina għaliex jekk nieħdu pajjiżi oħra fl-istess reġjun, insibu li fuq il-mitt elf mietu fis-Sirja u ma nafx kemm l-Iraq. Dan barra r-refuġjati li nħolqu minħabba dan il-ġlied kollu. Wieħed irid jiftakar li meta l-ġlied jieqaf, ma jfissirx li l-ħajja reġgħet ġiet għan-normal. Ħafna min-nies jispiċċaw f’kampijiet apposta peress li dar lura fejn imorru m’għandhomx minħabba li din tkun ġiet imġarrfa fil-ġlied. Għal ħafna jkunu tilfu kollox, kull ħaġa li kellhom id-dar. Dan iġib dipendenza assoluta speċjalment meta l-postijiet tax-xogħol ikunu ntilfu wkoll u familji sħaħ jispiċċaw f’dawn il-kampijiet ma jistgħu jagħmlu xejn. L-istess it-tfal, dawn jispiċċaw mingħajr skejjel. Mhux biss jitilfu t-tfulija tagħhom, iżda l-futur. Hawn insemmu dawk it-tfal li jispiċċaw iltiema u minn età żgħira jridu jaraw kif ser ikollhom x’jieklu u fejn ser jorqdu. Tfal fejn il-futur tagħhom hu biss li jaqbdu l-armi u jkomplu l-istraġi li bdew missierijiethom. Tfal li kull ma jafu hu faqar, ġlied, u mibegħda. Tfal li minflok lapsijiet u kotba, armi raw u jafu jużaw.

    L-effett hu wieħed li jibqa’ hemm għal tul taż-żmien. Naraw li kampijiet tar-refuġjati, ladarba jinfetħu, ma jingħalqu qatt għaliex id-dipendenza tibqa’ hemm. Aktar gwerer, aktar tixrid ta’ demm aktar martri u aktar estremiżmu.

    Dan il-ġlied ma jibdiex mix-xejn. Il-mexxejja kollha jkollhom pataflun ta’ raġunijet għalfejn jibdew il-ġlied. Jekk nieħdu l-ġlied li kien hemm f’Gaza min-naħa l-Iżrael jġibu skuża ta’ difiża, filwaqt li l-Hamas iġibu l-iskuża ta’ ħelsien tal-art tagħhom. Ġustifikati kemm huma ġustifikati ma nemminx li dawn jiġġustifikaw il-qerda li saret. Qabel kienet tkun għajn għal għajn u sinna għal sinna. Illum għal kull daqqa, mhux daqqa waħda nkun irrid nagħti, iżda elf jekk jista’ jkun. Dan rajnieh f’Gaza fejn bl-iskuża biex jinqerdu kuruturi taħt l-art, ġew meqruda eluf ta’ djar barra li ġew maqtula aktar minn 400 tifel u tifla!

    Fl-istess ħin naraw kif dan il-ġlied iġib lin-nies jaġixxu b’mod li mhux biss hu selvaġġ, iżda hu ipokrita. Rajna filmati ta’ suldati Iżraeliti, li filwaqt li qed jippreparaw il-kanuni għal gwerra qed jitolbu. X’qed jitolbu, ħadd ma jaf, biss żgur li waħda mit-talbiet tagħhom tkun li jirnexxilhom joqtlu lill- ‘għadu’ tagħhom qabel dan joqtol lilhom. Ktibt il-kelma ‘għadu’ għaliex fil-verità dan ma jafx il-persuna fuq min ikun qed jispara. Għalhekk ma nistax nifhem kif dan nistgħu nsejħulu għadu.

    Min-naħa l-oħra, insibu ġellieda Palestinjani li mhux biss jitolbu iżda huma kuntenti jekk iħallu ħajjithom minħabba li xi klerikali estremista ddikjara l-ġlieda Jihad u għalhekk kull min imut jiġġieled għandu garanzija li ser imur il-ġenna għat-tgawdija u l-pjaċiri eterni li ma jkunx irnexxielu jgawdi f’ħajtu. Dinja fejn ir-reliġjonijiet ġabu gwaj, qtil u faqar minflok imħabba, paċi u rispett lejn l-oħrajn. Reliġjonijiet li jwegħdu l-ġenna lil tagħhom u infern lill-oħrajn kollha. Reliġjonijiet li minflok qed jaraw il-bżonnijiet tan-nies fil-ħajja tal-lum u jaraw kif jistgħu jgħinu lil kulħadd, mehdijin biex ikabbru r-reliġjon tagħhom, fejn jużaw il-politika ta’ ifred u saltan, minflok kif nies b’ideat differenti jistgħu jgħixu ħajja tajba ma’ l-oħrajn.

    Hemm min jgħidlek li b’xorti tajba f’Malta qed ngħixu fil-paċi u m’aħniex inħabblu rasna b’dan it-tiġrif ta’ pajjiżi oħra. Perspettiva ta’ ħafna nies. Perspettiva ta’ nies li ma jarawx ‘il bogħod aktar mill-ponta ta’ imnieħirhom. Dan li ġara ħmistax ilu f’Pariġi hu prova li dak li qed jiġri f’pajjiżi ‘l bogħod għandu effett kullimkien. L-istess f’Malta. L-effett tal-ġlied li hemm fil-Libja, għandek nies li tilfu xogħol li kienu jaħdmu hemm. Negozji u nies li nvestew li ma jafux x’qed jiġri llum, aħseb u ara għada. Dan hu biss l-aspett ekonomiku għaliex issa jidher li hemm żewġ fazzjonijiet ta’ Libjani f’Malta. Nittamaw li l-ġlied li għandhom f’pajjiżhom, ma jġibuhx hawn.

    L-istess dak li gara fl-Ukranja, s’issa jidher li kellu effett dirett żgħir fuq Malta, għalkemm ma nafux kemm verament hi l-ispiża għalina minħabba l-ispiża li kellha tiffaċċja l-UE stess minħabba s-sanzjonijiet li għamlet fuq ir-Russja. L-Ukranja jidher li hu l-bidu u mhux it-tmiem għaliex jidher li fil-ġejjieni nistghħu naraw żviluppi simili bejn ir-Russja fuq naħa u l-UE u l-Istati Uniti fuq l-oħra f’pajjiżi bħal Belarus, Moldovja, l-Armenja, fl-Azerbajgan u Ġjorġja fejn l-UE diġà qed jaraw kif barra li jġibuhom fl-isfera tagħhom, idaħħluhom fin-NATO. Ir-Russja, min-naħa l-oħra qed tara dan iċ-ċaqlieq bħala thedida għas-sigurtà tagħha. Il-prospetti huma li jekk terġa’ ssir tgerfixa bħalma ġara fl-Ukranja, ser naraw aktar tensjoni u aktar ġlied. Ġlied li jġib l-estremiżmu li jħarbat il-ħajja libera normali ta’ ħafna pajjiżi.

    Din hi l-isfida tal-pajjiżi demokratiċi tal-lum, li filwaqt li jridu sigurtà, iridu wkoll li l-ħajja timxi mingħajr ħafna tfixkil u restrizzjonijiet. L-isfida ma tolqotx lill-gvernijiet biss, iżda wkoll liċ-ċittadini għaliex attakki terroristiċi jġibu suspetti f’kull min jaqsam l-istess reliġjon jew kultura. Tensjonijiet li jġibu aktar firda u aktar mibegħda. Biss il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi ma jistgħux jitkellmu fuq il-paċi u fl-istess ħin jissupplixxu l-armi!

    Iċ-ċittadini tal-lum iridu mhux biss li jgħidu li jridu l-paċi, iżda jridu jaħdmu għaliha. Iridu jibdew jistaqsu u jagħrblu l-argumenti tal-mexxejja tagħhom biex jaraw jekk verament dawn iwasslux għall-paċi jew għal aktar firda. Nittama li l-impenn tal-mexxejja tal-pajjiżi, ikun il-paċi. Kulħadd irid jiftakar li kif tinsa l-paċi, din tinsik ukoll.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook