Erba’ ġrajjiet – erba’ valuri

  • Jan 13, 2015 08:59
  • Miktub minn

    Kull pajjiż għandu l-valuri tiegħu u dawn jiġu riflessi kif in-nies tal-post jittrattaw problemi jew inċidenti li jinqalgħu. Fl-aħħar tas-sena li għaddiet f’Malta u fl-Amerka nqalgħu żewġ ġrajjiet li ġew ittrattati b’mod differenti li juru valuri differenti.

    Waħda mill-ġrajjiet li ddominat l-Istati Uniti l-ġimgħa li għaddiet kien ir-rapport li ġie ppubblikat dwar kif kienu qed jiġu ttrattati l-‘priġunieri’ li qed jiġu miżmuma fi Guantanamo Bay f’Kuba. Jekk humiex ‘priġunieri’ minnha nfisha diġà hi kontroversja għaliex dawn huma nies li ġew maħtufa mis-CIA, l-aġenzija tal-ispjunaġġ Amerikana, f’pajjiżi differenti u trasportati lejn Guantanamo Bay b’mod illegali. Ġew maħtufa għaliex kienu ssuspettati li huma qrib l-Al Qaida. Għidt suspettati għaliex snin wara li ġew maħtufa, kien hemm numru minnhom li nħelsu għaliex instab li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-Al Qaida. Il-kontroversja nqalgħet mhux ghħax dawn ma ġewx arrestati, iżda maħtufa, jew għaliex dawn qatt ma ġew imtella’ l-qorti u akkużati b’xi ħaġa imma għaliex il-metodi ta’ interogazzjoni mis-CIA f’xi drabi kienet tammonta għal tortura.

    Sar rapport dettaljat wara li ġew eżaminati aktar minn miljun dokument. Il-ħaġa li tiskantak hi li mhux talli ħadd ma pponta sebgħu lejn xi ħaddieħor, iżda għaliex il-President Amerikan għamilha ċara li mhu ser jittieħdu l-ebda pass dixxiplinarji kontra minn wettaq dawn l-attroċitajiet. Kulma qalu hu li dawn l-affarijiet qatt mhu ser jerġgħu jiġru. Ma’ dan kien hemm qbil nazzjonali għaliex ħadd ma tkellem biex il-ħatja jħallsu għal għemilhom. Jekk dan l-avveniment ma wera xejn, wera li dan il-pajjiż jemmen li għandha ssir ġustizzja biss meta din tmiss lil ħaddieħor.

    F’Malta, inqala’ l-inċident tax-xufier tal-eks Ministru Mallia li spara lejn xufier ieħor li laqatlu l-karozza u baqa’ sejjer. Inċident li mhux tollerabli f’soċjetà bħal tagħna. Iżda l-problema nqalgħet mhux għax dan ix-xufier spara, iżda għaliex l-istqarrijiet għall-istampa li ħarġu ma kienux korretti. L-akkuża kienet li kien qed isir cover-up. Saret inkjesta minn tlett eks-imħallfin li lestew ix-xogħol tagħhom malajr. Minkejja li l-inkjesta ma sabet l-ebda attentat ta’ xi cover-up, bħalma qalet l-Oppożizzjoni, xorta l-Ministru Mallia kellu jħallas prezz kbir politiku billi ġie mneħħi mill-kariga tiegħu mill-Prim Ministru. Dan biex jintwera li l-politiku għandu jġorr ir-responsabbiltà tan-nies ta’ taħthom – xi ħaġa li konna ilna ma naraw u nsejna dan il-valur tas-soċjetà tagħna li l-politiċi huma kontabbli wkoll.

    Dawn iż-żewġ inċidenti ħarġu biċ-ċar kif żewġ pajjiżi jħarsu b’mod differenti radikalment lejn l-affarijiet u lejn ir-responsabbiltà li trid tinġarr mill-politiċi. Il-Gvern preżenti wera biċ-ċar li jemmen li l-politiku jrid iġorr ir-responsabbiltà lejn dak li jiġri u li meta ma tinżammx din ir-responsabbiltà, irid iħallas. Min-naħa l-oħra l-Gvern Amerikan u s-soċjetà Amerikana – ma kien hemm l-ebda protest minn għand ħadd - jippreferu li jħarsu ‘l quddiem u ma jippruvaw jagħmlu xejn biex iġibu min wettaq dawn l-attroċitajiet għal ġustizzja.

    Iż-żewġ ġrajjiet l-oħra wkoll saru f’Malta u fl-Istati Uniti u nqalgħu l-ġimgħa li għaddiet. L-ewwel waħda kienu l-protesti li saru fl-Istati Uniti kontra l-brutalità tal-pulizija Amerikana meta jkun hemm fin-nofs xi ħadd li għandu l-kulur tal-ġilda tiegħu skura. L-għan kien li jwasslu l-messaġġ li kull ħajja hi prezzjuża. Għalhekk l-islogan prinċipali kien jgħid – Black lives Matter. Ġrajja li fakkret lill-Amerikani fil-kampanja li kien għamel Martin Luther King għexiren ta’ snin ilu biex is-suwed ikun ittrattati l-istess bħal kull ċittadin ieħor. Dawn il-protesti ħarġu li l-Amerikani għandhom għal qalbhom il-valur li l-kulur tal-ġilda ma jbiddel xejn lejn il-valur tal-ħajja.

    L-inċident l-ieħor – li ħareġ mill-ewwel inċident li wassal għat-tneħħija tal-Ministru Mallia – kien meta l-Prim Ministru waqt dibattitu fil-Parlament dwar l-ewwel inċident żvela kif l-eks Ministru Carm Mifsud Bonnici kien waqqaf li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra uffiċjali tad-detenzjoni li nstabu ħatja ta’ negliġenza fil-każ li wassal għall-mewt ta’ persuna Niġerjana. Biss dan ma kkaġuna l-ebda ċaqliqa fis-soċjetà tagħna. Mhux talli ma saru l-ebda protesti, iżda l-ġrajja lanqas ma ngħatat importanza fil-medja. Ħassejt li dak li ħabbar il-Prim Ministru ma kellu l-ebda valur għas-soċjetà tagħna. Dan għaliex kienet il-ħajja ta’ Afrikan li ntilfet? Skantajt li l-ebda grupp li jgħin lil dawn l-emigranti ma tniffes. Skantajt li l-Moviment għall-Ħajja ma ħareġ l-ebda stqarrija biex juri li għalih il-valur tal-ħajja ma jiddependix mill-kulur tal-ġilda. L-ebda grupp ta’ avukati ma ngħaqdu biex jipprotestaw. Dan l-avveniment wera li għalina l-Maltin il-valur tal-ħajja ma jgħoddx għal min għandu karnaġġjon skur.

    Dawn l-avvenimenti wrew kemm is-soċjetajiet jgħaġġnu l-valuri tagħhom mhux biss fuq xi prinċipji fundamentali iżda fuq l-interessi. Juri wkoll li bejn il-kliem għall-fatti hemm baħar sħiħ li jikkumbatti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0