ĊAMATA

  • Jan 01, 2015 10:40
  • Miktub minn

    Iċ-ċamata li l-Papa Franġisku ta lill-Kurja Rumana fiha x’tixtarr. Apparti mill-kunsiderazzjonijiet ekkleżjastiċi u teoloġiċi li ma nifhimhomx, l-interess f’li qal (u qed jagħmel), Franġisku joħroġ ukoll minn żewġ sfidi li qed jaffaċċja – b’kuraġġ kbir. Tista’ tanalizzahom f’termini organizzattivi.

    Żgur li l-Papa qed iħoss li l-apparat amministrattiv u ”ideoloġiku” tal-Knisja tbiegħed wisq mill-valuri ċentrali tal-istess organizzazzjoni, skont il-fundaturi u l-mexxejja tagħha tal-passat. Iqis li dan it-tbegħid mill-valuri ċentrali laħaq sar parti mill-mod kif l-organizzazzjoni taġixxi.

    Ħafna mill-mexxejja tagħha tal-lum sawru ħajjithom fil-fehma li t-triq tagħhom hi t-tajba. Biex tressaqhom mill-ġdid lejn il-valuri ċentrali ma tistax tiskossjahom wisq. Huma jikkostitwixxu parti mill-istruttura tal-istituzzjoni u hemm limitu għal kemm kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tiflaħ għal skossi.

    It-tieni sfida hi li d-dinja qed tinbidel b’rata tassew mgħaġġla, minħabba l-globalizzazzjoni, kif ukoll it-teknoloġiji ġodda ta’ kumnikazzjoni. U l-Knisja Kattolika donnha mhix iżżomm pass mal-bidliet. Bdiet tidher wisq qadima, irrelevanti. Ħaġa ta’ min jinnota hawn hu kif minkejja li jippriedka s-sempliċità, l-Papa Franġisku donnu midħla ħafna u ħafna ta’ kif jitmexxew il-kumnikazzjonijiet diġitali.

    Wieħed ma jistax ma jixteqlux kull suċċess fil-ħidma doppja tiegħu ta’ riforma.

    FAQAR

    Jingħad x’jingħad, il-faqar fl-Ewropa qed isir pjaga. Mhux għax żdied: jiġu żminijiet meta jiżdied il-faqar u wara jerġa’ jbatti. Imma llum donnha kibret rassenjazzjoni li l-faqar mhux se jonqos f’qasir zmien. F’żona kontinentali fejn il-ġid ilu jakkumula għal sekli, soluzzjoni għal problema bħal din għandha titqies bħala prioritarja.

    Il-ħsieb predominanti bħalissa hu n-neoliberaliżmu, fejn mhux is-soċjetà tingħata l-aqwa post, imma l-individwu waħdu. Tal-aħħar hu mistenni jiġbed lejn xawwatu u b’hekk joħloq l-aħjar ħajja għalih innifsu u b’mod indirett imma effettiv, għall-bqija.

    Jibqa’ l-fatt li meta l-faqar jinfirex u jibqa’ samm, se jiġbed ’l isfel miegħu lil ħafna nies oħra, ħlief forsi l-ftit ħafna ta’ fuq nett.

    AQUILINA & CO.

    Biex nixtri kartolini, żort il-ħanut ta’ Aquilina fil-kantuniera ma’ pjazza San Ġorġ il-Belt. Sirt naf li wasal biex jagħlaq għal kollox. Ħadt xokk.

    Tlajt fuq fejn passaġġ idur mal-ħanut bl-ixkaffar tal-kotba mal-ħitan u fin-naħa li tiftaħ għal Triq Repubblika, uffiċċju żgħir, illum battal. Konna niġu hawn, sħabi studenti u jien biex nordnaw il-kotba tal-matematika u x-xjenza li konna niħtieġu għas-Sixth Form u wara għall-Università. Mill-uffiċċju, kienet tieħu ħsieb l-ordnijiet li nagħmlulha skrivana simpatika ħafna, dejjem titbissem u tiċċajta.

    Għadda kważi nofs seklu minn dak iż-żmien. Ħassejtni qisni fl-episodju tal-Milied tal-Imgħoddi minn A Christmas Carol.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Jan 02, 2015

    Il-Papa jaghti camata lill-Kurja Rumana u ahna hawnhekk nixorbu bis-sahha ta' xulxin.

    Irrispondi