Watchdogs – mhux lapdogs

  • Diċ 17, 2014 10:31
  • Miktub minn

    Jekk fl-Ewropa hawn swieq li huma miftuħa għal kull tip ta’ kompetizzjoni żgur li ser issibhom fir-Renju Unit. Ħafna drabi hi litteralment ġungla fejn min hu b’saħħtu jħawwel. Ħafna mill-kumpaniji jiffaċċjaw kompetizzjoni sfrenata. Hu għalhekk li f’ħafna mis-swieq li hemm issib l-aħjar prezzijiet fl-Ewropa kollha.

    Minkejja dan ma jfissirx li ħadd minnhom ma jipprova jsib niċċa fejn il-kompetizzjoni mhux daqshekk qawwija. Hu għalhekk li anki f’swieq daqshekk miftuħa ssib regolaturi biex jassiguraw li s-swieq jibqgħu miftuħa. Fejn is-swieq, minħabba n-natura tagħhom, mhux daqshekk miftuħa, ir-regolaturi huma aktar attivi u jżommu għajnejhom dejjem miftuħa biex filwaqt li jassiguraw li l-kompetizzjoni taħdem kemm ikun possibbli, jassiguraw ukoll id-drittijiet tal-konsumaturi. Fir-Renju Unit ir-Regolaturi huma ‘watchdogs’ – klieb tal-għassa, klieb li jigdmu - mhux ‘lapdogs’- klieb li żżommhom f’ħoġrok biex joqogħdu jfissduk, klieb li ma jigdmux!

    Malta hi dik li hi – gżira żgħira u għalhekk is-swieq huma żgħar ħafna. Dan barra li f’Malta għandna gruppi tal-business li huma qawwija – sew minħabba l-flus u minħabba r-rwol tagħhom fl-ekonomija – u li għandhom influwenza qawwija fuq is-sistema politika tagħna. Dan mhux biss jirrifletti kif jaġixxi l-gvern lejhom, iżda wkoll kif jaħdmu r-regolaturi. Dawn ħafna drabi, minflok jaħdmu b’mod indipendenti, jaħdmu aktar bħal dipartimenti tal-gvern, fejn min ikun qed imexxi dejjem rasu ‘l fuq u jipprova jara jekk kull azzjoni li ser jieħu għandux l-approvazzjoni tal-Ministru.

    Din ġejja minħabba sew in-nuqqas li għandhom legalment, iżda wkoll minħabba li t-tmexxija tagħhom dejjem taħdem b‘mod servili. Ir-raġuni hi li ħafna drabi ma jafux ir-rwol tagħhom. Ir-rwol tar-regolaturi hi li jmexxu l-politika tal-gvern tal-ġurnata f’dak is-settur, iżda b’mod indipendenti fejn wara li jżommu għajnejhom miftuħa u widnejhom mal-art, jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom u jieħdu azzjoni. Barra dan minħabba l-mod awtonomu li jaħdmu jkunu jistgħu jagħtu pariri oġġettivi lill-Ministru konċernat dwar il-qasam partikolari. B’hekk ikunu ta’ għajnuna għall-Ministru għaliex dan ikun jista’ jfassal policies aktar innovattivi. Illum ħafna drabi ssib li jekk ma jiċċaqlaqx il-Ministru, dawn kull ma jagħmlu, jekk jagħmluh, hu x-xogħol ta’ rutina u jippruvaw li ma jċaqalqux l-ilma.

    B’hekk il-Ministru stess isib li minflok għajnuna, huma toqol li jrid iġorr speċjalment meta jonqsu u l-Ministru jkun irid jiddefendihom fil-Parlament.

    Tajjeb li nieħdu eżempju ta’ kif jaġixxu r-regolaturi f’Malta u fir-Renju Unit biex naraw id-differenza. Riċentament sew f’Malta u sew fir-Renju Unit, awtoritajiet f’setturi differenti ħadu azzjoni. F’Malta, il-Malta Communications Authority, ħadet azzjoni kontra l-Melita plc u waħħlitha €10,000 talli numru ta’ konsumaturi ma kienux qed jirċievu l-kontijiet tagħhom korretti. Kienet ħaġa pożittiva li awtorità mhux biss tissorvelja s-suq iżda tieħu azzjoni meta l-affarijiet ma jkunux qed jimxu sew. Qed nikteb hekk għaliex ftit huma dawk l-awtoritajiet f’Malta li jiċċaqilqu anki meta l-operaturi ma jkunux qed jimxu kif suppost.

    Min-naħa l-oħra, Ofgem, l-awtorità li hi responsabbli mill-Enerġija ħarġet twissija lil ScottishPower – kumpanija li toffri s-servizz tal-elettriku. Din it-twissija ġiet minħabba raġunijiet anqas serji – dewmien mhux aċċettabbli biex iwieġbu l-ilmenti ta’ konsumaturi. Dan sar wara li saret investigazzjoni. Biss id-deċiżjoni kienet differenti. ScottishPower għandha tippubblika l-progress, skont il-ftehim, li tkun qed tagħmel fuq il-websajt tagħha. Jekk it-titjib ma jkunx kif miftihem, tiġi sospiża milli topera immedjatament.

    Mela l-MCA mmultat lill-Melita plc sempliċiment €10,000 talli ħarġu kontijiet ħżiena u l-Ofgem lesti li jwaqqfu lil ScottishPower milli joperaw minħabba li jdumu ma jwieġbu l-ilmenti. Naħseb li kieku l-awtoritajiet f’Malta jwaqqfu l-liċenzji minħabba li jdumu ma jwieġbu l-ilmenti, għandi dubju jekk jibqax kumpaniji joperaw f’Malta!

    Kien hemm differenza oħra sinifikanti – kif irreaġixxew il-kumpaniji. Minkejja l-ilmenti li kien hemm mill-konsumaturi tal-Melita, din appellat għax qalet li l-MCA qed tinterpreta r-regolamenti ħażin u li diġà kienet irranġat l-ilmenti. Fuq l-interpretazzjoni tar-regolamenti, nemmen li jekk hemm xi dubju, l-MCA għandha tirranġa dawn biex ikunu aktar ċari u għandha tieħu l-opportunità biex tirranġa l-pieni u tagħmilhom aktar ħorox. Ir-raġuni hi li l-attitudni tal-Melita għall-konsumaturi tagħha kulħadd jafha. L-effett hu li minħabba n-nuqqas ta’ infurzar, illum il-kumpaniji l-oħra minflok żammew l-istandards għolja li kellhom, illum qed jagħmlu l-istess bħal din il-kumpanija.

    Biex iġġib skuża qalet li s-sistema tal-IT li ntroduċiet mhux qed taħdem tajjeb. Naħseb li kull kumpanija ma taqbadx u taqleb sistema ma’ oħra qabel ma tkun ċerta li s-sistema l-ġdida tkun qed taħdem tajjeb.

    Il-kumpanija ScottishPower min-naħa l-oħra ammettiet in-nuqqasijiet u qalet ‘Niskużaw ruħna mingħajr riżerva għall-problemi li kellhom jiffaċċjaw il-konsumaturi. Sempliċiment li s-servizz li konna qed nagħtu ma kienx dak li s-soltu nagħtu u lanqas dak li l-Ofgem tistenna. Determinati li nirranġaw l-affarijiet’.

    Niġu għall-penali tal-MCA fuq il-Melita u għat-twissija tal-Ofgem lil ScottishPower. Filwaqt li dik tal-MCA kienet multa, din kienet redikola. Redikola minħabba li l-ammont hu tant żgħir li l-kumpanija lanqas biss tħossu barra l-fatt li meta tħallsu tieħu tax rebate fuqu għax titfgħu bħala spejjeż. Jien ċert li hemm żewġ fatturi għal din is-somma redikola. L-ewwel żgur li l-liġi li tillimita bil-kbir il-multi li l-MCA tista’ tagħmel. Biss jien żgur li fattur ieħor hu li l-ebda awtorità m'għandha kuraġġ li tħabbatha ma’ kumpanija kbira.

    Min-naħa l-oħra, fir-Renju Unit, il-clout li għandhom l-awtoritajiet hi enormi. Mhux talli hekk talli ma jiddejqux li jħabbtuha ma’ kumpanija kbira. It-twissija hi li jekk l-affarijiet ma jirranġawx, mhux multa ser twaħħalhom, iżda taqtalhom is-suq. Twissija li l-kumpanija taf li mhux ġejja minn lapdog iżda minn watchdog.

    Bħalma ktibt f’artikli oħra, nemmen li l-Gvern għandu jagħti l-għajnuna lill-kumpaniji biex jiżviluppaw u jekk jippruvawx jidħlu fis-suq Ewropew. Iżda dan qatt ma jista’ jseħħ jekk il-kumpaniji tagħna ma jagħtux każ il-konsumaturi. L-awtoritajiet jekk iridu jistgħu jkunu strumentali biex il-kumpaniji li jaħdmu f’Malta jtellgħu l-istandards biex ikunu kompetittivi anki fl-Ewropa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook