PALESTINA

  • Diċ 08, 2014 09:28
  • Miktub minn

    Kienet aħbar interessanti dik li ġimgħa ilu, il-Parlament Franċiż ivvota b’maġġoranza kbira favur li l-Palestina tingħata rikonoxximent bħala stat. Il-vot ma jorbotx lill-gvern imma jagħti direzzjoni lejn fejn għandha titmexxa d-diplomazija Franċiża.

    Dawk li argumentaw kontra qalu li ma hemm l-ebda sens politiku filli tirrikonoxxi bħala stat entità li m’għandha l-ebda kontroll fuq it-territorju ”tagħha”. Qalu wkoll li għarfien diplomatiku tal-Palestina se jnaqqas kull inċentiv biex Iżrael jagħmel xi konċessjonijiet waqt li jwebbes il-qagħda ta’ dawk il-Palestinjani li ma jridu jagħmlu l-ebda kompromess.

    Ftit qed jaslu dawn l-argumenti. Matul is-snin kien Iżrael, li għandu s-saħħa kollha militari u diplomatika fit-territorju li jikkontrolla, li baqa’ ma tax widen għas-sejħiet anki ta’ dawk li l-aktar jappoġġjawh, biex juri li lest jinnegozja bis-serjetà.

    Speċjalment bil-politika ta’ binjiet ġodda li baqgħet għaddejja bla ebda waqfien, Iżrael wera li ma kienx lest juri flessibiltà. Bil-maqlub, baqa’ jagħti l-ħabel lil estremisti fi ħdanu li jridu jagħmlu mill-Palestinjani poplu kważi skjav, fl-istess art twelidhom.

    LE SOIR

    Interessanti wkoll, għalkemm għal raġuni differenti, l-mod kif l-aqwa gazzetta Belġjana, Le Soir, irraportat il-vot tal-Parlament Franċiż. Ħabbret li se titressaq mozzjoni simili għal dik Franċiza dwar il-Palestina fil-Parlament Belġjan. B’hekk qalet, Franza u l-Belġju x’aktarx jispiċċaw l-ewwel żewġ pajjiżi Ewropej li se jkunu taw għarfien diplomatiku lill-Palestina.

    Issa, Malta ilha żmien li għamlet hekk. U Ċipru l-istess. Filfatt, il-gazzetta semmietha dil-ħaġa. Imma xorta rrepetiet il-punt li l-inizjattivi diplomatiċi ta’ Franza u l-Belġju jekk iseħħu, jikkostitwixxu azzjoni li ħadd għadu ma ħa fl-Ewropa.

    Konklużjoni waħda timponi ruħha minn hekk: għal Le Soir, Malta u Ċipru mhumiex pajjiżi Ewropej.

    BORMLA

    Iddispjaċieni li din is-sena se nkun barra f’jum il-festa ta’ Bormla, il-Kunċizzjoni. Filgħodu kont drajt nittawwal sa hemm, nieqaf ftit fil-Knisja waqt li tkun għaddejja l-quddiesa solenni u wara ma’ xi ħbieb induru mal-każini u ħwienet.

    Is-sena li għaddiet tassew kien hemm pjaċir. It-temp kien kwazi sajfi, frisk mill-anqas. Kulħadd kien qed iħossu ferrieħi. Il-knisja kienet imbulmata. Lejn nofsinhar, il-kafejiet u l-bars reġgħu bdew jimtlew b’koppji u familji.

    Jista’ jkun li s-sens ta’ ottimizmu kien imqanqal ukoll mit-turijiet li kellna madwarna dwar kif ix-xogħlijiet fuq il-baċir u madwaru kienu reġgħu telqu sew.

    Hu xinhu, dis-sena se npatti għall-fatt li ma stajtx inkun preżenti Bormla għall-festa tal-Kunċizzjoni billi niftakar fis-sena 2013. Tifkiriet kważi nostalġiċi li jikkompensaw bil-kbir għall-kesħa tal-Belġju, li wara kollox hi wkoll, għandha s-sabiħ tagħha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0