It-traffiku – lejn sistema li taħdem sew

  • Nov 25, 2014 10:35
  • Miktub minn

    Illum it-traffiku żdied b’tali mod illi ma hemm l-ebda triq li tista’ tgħid f’xi ħin tal-ġurnata tkun tista’ tgħaddi minnha mingħajr problemi. Sa ftit snin ilu kulħadd kien jevita ċerti toroq f’ċerti ħinijiet. Illum tista’ tgħid li t-toroq kollha huma mblukkati.

    Nemmen li dan ġara għal ċerti raġunijiet. L-ewwel it-traffiku żdied. Illum kull familja għandha aktar minn karozza waħda filwaqt li t-toroq tagħna, minhabba l-qies ta’ Malta, ma żdidux. Xi snin ilu kien hemm tama li jekk ikollna trasport pubbliku tajjeb, ħafna min-nies, speċjalment fil-ħinijiet tax-xogħol, jibdew jużaw dan speċjalment meta suppost li kien ser ikollna qabża kbira fil-kwalità tas-servizz.

    Arriva ġiet u telqet u kulħadd jaf bil-bidla li saret fil-fehma tan-nies. Fejn qabel kienu jikkonsidraw li jużaw it-trasport pubbliku biex imorru x-xogħol, illum lanqas biss joħolmuha ma jridu. Dan ġab is-sitwazzjoni aktar gravi għaliex, minħabba d-dewmien li kien ikun hemm biex tasal minn post għall-ieħor, anki dawk li kienu jużaw tal-linja biex imorru x-xogħol qabel l-Arriva reġgħu qalbu għall-karozza tagħhom.

    Dan ġab aktar karozzi fit-toroq tagħna u l-problema saret kriżi. Dan għaliex dħalna f’ċirku vizzjuż fejn aktar karozzi ġabu aktar dewmien biex tal-linja jaslu minn post għall-ieħor, aktar nies bdew jużaw aktar il-karozzi privati tagħhom li ġab aktar dewmien biex tasal fil-post fejn trid tmur. Kif tasal terġa’ żżid il-problema minħabba l-parking li miegħu ġab it-toroq tagħna aktar dojoq milli huma u kellna ndaħħlu l-one-way kważi kullimkien li kellu konsegwenza li llum trid isserrep ma nafx kemm-il triq biex tasal in-naħa l-ohra tar-rahal. Il-konsegwenza hi li llum in-nies tilfu kompletament il-fiduċja tagħhom li xi darba nistgħu nsolvu l-problema.

    Din is-sitwazzjoni taraha llum. Minkejja li l-karozzi tal-linja wara li telqet l-Arriva żdiedu, u fuq ċerti linji żdiedu mhux ħażin, xorta ħafna min-nies għadhom jużaw il-karozzi privati tagħhom. Il-fiduċja ma trid xejn biex titlifha imma trid qabża kbira fil-kwalità biex terġa’ tiksibha.

    Minkejja dan, nemmen li din il-problema tista’ tittaffa, għalkemm ma nemminx li tista’ tispiċċa għaliex Malta hi dik li hi. Fil-fatt, bħalma għedt, f’ċerti affarijiet, it-trasport pubbliku tjieb, bħal pereżempju l-ammont ta’ karozzi fuq il-linji fil-ħinijiet tax-xogħol. Magħhom illum, ħafna drabi, għalkemm mhux dejjem, is-sinjali elettroniċi li juru meta ser jaslu l-karozzi bdew jaħdmu. Dawn hemm bżonn li jiżdiedu għaliex iġibu aktar serħan tal-moħħ lill-passiġġieri. Dan barra ċerti affarijiet oħra li kienu daħlu li tejbu s-sitwazzjoni, bħat-tibdil fil-ħinijiet tat-traffic lights fil-Marsa.

    Hi ħasra li l-attitudni tax-xufiera marret lura. Dan tarah mis-sewqan tagħhom. Illum hemm ħafna li meta jaslu fuq stage ma jiqfux fil-bay, bil-konsegwenza li jiġġammjaw it-traffiku ta’ warajhom, barra li joħolqu periklu lill-passiġġieri speċjalment dawk anzjani minħabba l-għoli tal-istaffa. Dan minkejja li ħafna mill-karozzi, b’għafsa ta’ switch, jistgħu jbaxxu l-karozza biex ma jkunx hemm dan il-periklu. Biċċiet minnhom litteralment joħolqu periklu għall-passiġġieri li jkunu bilwieqfa minħabba l-mod kif jagħfsu l-break. Meta tinzerta xufier minn dawn, trid toqgħod b’seba’ għajnejn għax tispiċċa n-naħa l-oħra tal-karozza meta jżomm break. Dan barra l-attitudni negattiva li biċċiet minnhom qed ikollhom lejn il-passiġġieri. Dan hu fattur li l-kumpanija l-ġdida li ser tkun responsabbli minn tal-linja trid tagħti kasu għaliex qed ikollu impatt negattiv fuq il-passiġġieri.

    Barra dan il-Ministru responsabbli mit-trasport mhux rieqed u qed idaħħal affarijiet oħra. Pereżempju, naqbel li jkun hemm karreġġjati bħalma hemm fil-Marsa li jkunu għal tal-linja, għat-taxis u għal karozzi li jkollhom tliet passiġġieri. Hi ħasra li hemm ħafna korozzi oħra li qed jużawhom. Hemm nemmen li għandu jkun hemm warden biex jassigura li din il-karreġġjata tintuża kif suppost.

    Aktar karreġġjati minn dawn jgħinu biex in-nies li jużaw it-trasport pubbliku jaslu aktar malajr. Min-naha tal-passiġġieri nemmen jistgħu jagħtu sehemhom ukoll speċjalment f’postijiet fejn hemm il-magni tal-biljetti. Ma nistax nifhem kif għad hemm passiġġieri li minkejja li jkunu ilhom fuq l-istage għal xi għaxar minuti, xorta ma jaqtgħux il-biljetti mill-magna. Dan qed jikkawża dewmien żejjed. Barra minn Malta, meta x-xufier jaqtagħlek il-biljett hu, ikollok tħallas aktar. Naħseb li meta jiżdiedu l-magni jew minn fejn jinxtraw il-biljetti, sistema simili għandha tidħol.

    Għalija kien żvilupp li l-Baġit ukoll qed jaghti importanza lejn it-trasport. Kien ta’ tama li l-Ministru tal-Finanzi meta kien qed jitkellem f’waħda mil-laqgħat qabel il-Baġit semma li jagħmel sens ekonomiku kbir li ntejbu t-toroq tagħna biex innaqqsu dan id-dewmien li qed jiswielna ħafna. Fil-fatt, il-gvern fil-Baġit identifika problema oħra li qed twassal għal aktar traffiku u aktar dewmien. Din hi t-trasport tal-istudenti. Mhux talli hekk, iżda wkoll beda jindirizzaha.

    Biss ċerti nies ma tistax tifhimhom. Bħalissa hemm ħafna xogħlijiet li huma għaddejjin f’daqqa biex intejbu l-arterji prinċipali tat-toroq. Dan veru li qed jikkawża dewmien, iżda jekk ix-xogħol ma jsirx, il-problema tikber u mhux tonqos. Minħabba dan kien hemm kritika, għaliex kienu qed isiru ħafna xogħlijiet f’daqqa. Iżda f’daqqa waħda meta wasal il-Baġit, l-istess nies bdew jikkritikaw lill-gvern għaliex il-flypass ta’ ċerti postijiet għadu ma bdihomx! Ċert li kieku x-xoghol fuq dawn beda wkoll, xorta kien ikun hemm kritika!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook