BILANĊ SOĊJALI

  • Nov 20, 2014 12:53
  • Miktub minn

    Il-Ministru tal-Finanzi Scicluna irnexxielu fil-baġit għas-sena d-dieħla jegħleb l-aqwa sfida li kellu quddiemu – dik li jsostni l-ġustizzja soċjali bil-miżuri li jħabbar. Konna nafu li se jnaqqas il-piżijiet tat-taxxi diretti u jżid dawk indiretti. Bil-miżuri li ħabbar irnexxielu jiżgura li dawk li huma finanzjarjament minn taħt, ma jitgħabbewx b’aktar piżijiet imma anki jitħaffewlhom.

    Hu minnu li għadd ta’ miżuri ntrabtu ma’ impenji li se jiġu nfurzati biex jiġi żgurat ukoll li min jirċievi benefiċċju ma jispiċċax jabbuża minnu. Biss m’hemm xejn ħażin f’dan; l-abbużi huma ħżiena jagħmilhom min jagħmilhom.

    Hawn min se jgħid li l-ministru Scicluna seta’ jieħu t-triq li ħa għax il-gvern qed jipprospetta tkabbir ekonomiku tajjeb fis-sena li ġejja. Il-gvern ta’ qabel baqa’ ma wettaqx l-istess miżuri la fi żmien ekonomikament tajjeb u lanqas ħażin.

    Fid-diskors tal-baġit, punt wieħed forsi seta’ jingħata emfażi akbar. Issemmew ħafna l-abbużi taż-”żgħar” imma kważi xejn l-abbużi tal-”kbar”.

    TRAFFIKU

    Interessanti l-ħsieb tal-gvern li jibda jieħu miżuri ħalli jrażżan u jikkontrolla l-konġestjoni tat-traffiku f’pajjizna. Ilha ħaġa ċara li din saret problema kritika, biex ma ngħidx kriżi fiha nnifisha. U għandha konsegwenzi ekonomiċi għalkemm ħafna ma jirrealizzawx dan.

    Parti sostanzjali mill-ħin mitluf fit-traffiku x’aktarx li tkun meħuda mill-ħin produttiv li ċ-ċittadini suppost qed jagħtu f’uffiċċji, fabriki u ħwienet; jew meħuda mill-ħin li l-istess nies riedu jqattgħu jixtru. Fiż-żewġ kazi, hemm telf ekonomiku.

    Terġa’, telf ieħor jiġi minn ħela ta’ petrol kif ukoll mill-użu żejjed u mhux produttiv ta’ karozzi u inġenji oħra. It-telf jissarraf f’importazzjoni ogħla fil-pajjiz u f’żieda fl-ispiża tal-produzzjoni.

    Forsi ta’ min isemmi aktar minn hekk, l-effett fuq is-saħħa ta’ dawk li jinqabdu ta’ spiss fi traffiku ġġammjat. In-nervi u n-nuqqas ta’ sabar li ġġarrab f’din il-qagħda jherrulek saħħtek -- u d-deni fiżiku għandu prezz ekonomiku għall-individwu u għas-soċjetà.

    DRAGHI

    Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi ġie quddiem il-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn u wara li għamel preżentazzjoni, wieġeb għall-kummenti u mistoqsijiet li sarulu mid-deputati.

    Messni waħda mill-aħħar mistoqsijiet. Semmejtlu l-kuntradizzjonijiet fit-tmexxija taż-żona ewro li hu rnexxielu jegħleb sa issa b’deċiżjonijiet pjuttost kuraġġużi. Imma dawn iqanqlu sfidi strateġiċi dwar kif għandha tiżviluppa ż-żona tal-ewro fiż-żmien li ġej. Saqsejtu x’perspettivi strateġiċi jara dwar hekk.

    Kif stennejt li se jagħmel, evita li jwieġeb. Ħaġa li tixhed dejjem aktar x'inhuma tassew id-diffikultajiet profondi li ż-żona ewro għadha ma ffaċċjatx, wisq anqas għelbet.

    Nikteb aktar fit-tul dwar Draghi u t-tweġiba tiegħu x’imkien ieħor.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook