IL-BAĠIT TAT-TNEJ

  • Nov 17, 2014 06:50
  • Miktub minn

    Il-baġit għas-sena 2015 se jimmarka verament il-mod ta’ tmexxija tal-gvern prezenti. Waqt li l-ewwel baġit (b’wegħda elettorali), baqa’ l-istess wieħed li pprezenta l-gvern preċedenti qabel ikkollassa, it-tieni wieħed – ta’ dis-sena – safa neċessarjament miżmum fis-sidrija ekonomika u finanzjarja li l-gvern sab minn ta’ qablu.

    Għadda biżżejjed żmien biex il-pjani tal-gvern għall-ħruġ u d-dħul jirriflettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li l-gvern qed jippromwovi. Barra mill-qasam tal-enerġija, naħseb li sfida ewlenija quddiem il-ministru tal-finanzi hi dwar l-istruttura li jrid jagħti lis-sistema ta’ tassazzjoni.

    Mhux ta’ spiss issib ministru tal-finanzi soċjal-demokratiku jekk mhux soċjalista li jpoġġi bħala mira, bidla lejn piż akbar ta’ taxxa indiretti u tnaqqis ta’ dawk diretti. Jekk ma ssirx bil-galbu, bidla bħal din tirriżulta f’inġustizzji soċjali akbar, għax min hu minn taħt jispiċċa jġorr aktar piżijiet. F’pajjizna, il-piż tat-taxxi indiretti mhux daqstant żgħir u l-faqar relattiv hu problema li qed tiżdied. Il-galbu li jrid jintwera fit-twettiq ta’ bidla lejn l-indiretti, jrid ikun kbir.

    Il-Ministru tal-Finanzi Scicluna qed juri ruħu konxju minn din l-isfida.

    KULĦADD KIEN JAF

    Sibtha kemxejn ridikola l-kontroversja fl-Ewropa dwar Jean Claude Juncker u l-mod kif il-gvern tal-Lussemburgu li mexxa kien ta benefiċċji ”moħbija” lil kumpaniji kbar biex jevitaw it-taxxi li suppost ħallsu.

    Sa minn ħafna qabel Juncker ħareġ għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea dawn l-affarijiet kienu magħrufa. Li f’daqqa faqqgħu bħala skandlu fost dawk li ħabirku biex Juncker jilħaq President kienet ħaġa bla sens.

    Is-sabiħa hi li ftit ġranet wara, fil-Belġju stess ħarġu fil-beraħ każi fejn dan il-pajjiż deher li qed jagħmel l-istess ħaġa bħal-Lussemburgu.

    Il-maniġġi tas-sistemi differenti ta’ taxxi huma parti essenzjali minn kif il-kumpaniji transnazzjonali jmexxu ħidmiethom f’dinja globalizzata skont il-prinċipji tal-kapitaliżmu neoliberali.

    TARAĠ

    Affarijiet pjuttost ordinarji li tiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, f’toroq, pjazez, ħwienet jew f’imkejjen publiċi oħra, jagħtuk sentiment dwar kif ikun sejjer pajjiż.

    Fil-każ tal-Belġju bħalissa, dan is-sentiment qed nieħdu minn taraġ mekkaniku li jinsab taħt triq prinċipali – Rue de La Loi – li tgħaqqad iċ-ċentru ”qadim” tal-belt mal-kwartier fejn jinsabu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

    Dat-taraġ sirt nitla’ minnu kull meta nkun fil-belt u filgħodu nimxi sal-Parlament Ewropew. Jagħmel ġimagħtejn, tlieta jaħdem, tlett ijiem bil-ħsara. L-aħħar darba li kellu problema, dam ġimagħtejn u nofs wieqaf. Reġa’ ħa l-ħajja f’nofs tmiem il-ġimgħa li għaddiet (li għal ħafna Belġjani ssarrfet f’vaganza ta’ erbat ijiem peress li l-11 ta’ Novembru hi vaganza publika),. Sal-mument meta qed nikteb dan, it-taraġ għadu jaħdem.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Nov 17, 2014

    Badgits Mintoffjani kienu aktar jintazzaw il-lussu u hemm ghandha tkun l-akbar enfazi. Minn jghix fil-lussu jiflah ihallas aktar.

    Irrispondi