L-għeruq tal-faqar

  • Nov 11, 2014 15:58
  • Miktub minn

    Il-faqar ma jiġix mix-xejn. Jista’ jkun hemm ħafna fatturi li jwassal għal dan. Żewġ fatturi importanti li jwassal għal dan huma l-mewt ta’ xi wieħed mill-ġenituri, jew mard. Dawn ġeneralment ma jkunux waħedhom għaliex ħafna drabi jkunu akkumpanjati minn fatturi ‘long term’ bħal nuqqas ta’ edukazzjoni li biha wieħed jew waħda jkunu jistgħu jsibu impjieg. Il-problema tal-faqar tgħolli rasha meta l-qagħda ekonomika tal-pajjiż ma tkunx tajba.

    L-ammont vera tal-faqar mhix xi ħaġa faċli biex tkun taf kemm hi bil-preċiż. L-istatistika tagħtina biss indikazzjoni ta’ kemm verament hi problema kbira. Ir-raġuni hi li min hu fqir ser ikun l-aħħar persuna li jammetti, speċjalment ma’ ħaddieħor, li hu fqir. Dan jgħiduhulek min jaħdem mal-fqar. Ġeneralment dawn in-nies biex ma jurux li huma fqar huma lesti anki li ma japplikawx għal xi benefiċċji soċjali biex is-sitwazzjoni tagħhom tibqa’ mistura.

    In-numru tal-fqar hu mdawwar b’numru ħafna akbar ta’ nies u familji li huma fil-periklu li jaqgħu fil-faqar. Din hi sitwazzjoni meta persuna jew familja tibda taqa’ lura fil-ħlasijiet. L-ewwel sforz ikun li tinbidel il-ħajja li tkun qed tgħix il-familja. Din mhix ħaġa faċli għaliex meta tagħmel hekk jista’ jkollha riperkussjonijiet kbar fuq il-ħajja soċjali tagħhom speċjalment it-tfal. Ir-raġuni hi li dak li ma kienx essenzjali l-bieraħ jista’ jkun sar xi ħaġa li hi kkunsidrata bħala essenzjali fil-ħajja tal-lum.

    Bħalma għidt ir-riperkussjonijiet jistgħu jkunu kbar fuq it-tfal. It-tfal jittendu meta xi ħadd minn sħabhom jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu. Hemm elf ħaġa minn xiex it-tfal jittendu minn kif jitkellmu dwar il-ġugarelli sal-lunch li jieħdu l-iskola. L-istess tfal jittendu li huma differenti minn sħabhom u jibdew jinqatgħu għalihom biex ma jsofrux sew il-ħars, il-kummenti u xi kultant it-tgħajjir ta’ sħabhom.

    Riċentament ġie ppubblikat studju li ġie mqabbad mill-Unjoni Ewropea dwar din is-sitwazzjoni li tissejjaħ ‘over-indebtedness’. Dan l-istudju sar fuq il-pajjiżi kollha fl-UE inkluż Malta. Tajjeb li naraw ftit f’hiex aħna.

    Jekk inħarsu kemm kien hemm self li waqa’ lura nsibu li mill-2007 sa 2011 dan żdied minn 5.1% għal 7.3%. Din is-sitwazzjoni tissaħħaħ jekk nieħdu l-ammont ta’ persuni li waqgħu lura mill-ħlasijiet ta’ affarijiet li daħlu għalihom. Dawn żdiedu minn 7.9% għal 9.1% fl-2011. Dawn il-figuri huma anqas mill-medja tal-UE iżda żdiedu bl-istess rata tal-medja tal-UE.

    Dawn il-figuri huma inkwetanti għaliex tul l-istess perjodu dawk li ħassew li huma f’riskju li ser jaqgħu f’din is-sitwazzjoni (li jaqgħu lura fil-ħlasijiet), għalkemm kien inqas mill-medja tal-UE, iżda n-numru ta’ familji f’din is-sitwazzjoni rdoppja fl-istess żmien. Dan juri li s-sitwazzjoni saret aktar prekarja għal numru akbar ta’ familji.

    Dawk l-aktar milquta huma dawk ta’ bejn il-25 sena u 64 sena. Il-probabbiltà hi li wieħed mill-akbar impenji li għandhom il-familji Maltin hu l-ħlas lura tas-self biex tinxtara d-dar. Dawk li huma anqas minn 25 sena ġeneralment ma jkunux daħlu għal dan l-impenn filwaqt li dawk ‘il fuq minn 64 sena ġeneralment ikunu diġà ħallsu kollox lura.

    X’kienu l-aktar fatturi li wasslu għal dan? L-aktar żewġ fatturi kienu n-nuqqas ta’ xogħol u l-livell tal-pagi. L-akbar tibdila tidher li laqtet liż-żgħażagħ. Filwaqt li l-qgħad fl-2007 kien 10.6% (anqas mill-medja tal-EU), fl-2011 dan tela’ għall-22.1% (oghħa mill-medja tal-EU fl-istess żmien),. Dan jista’ jkun sinjal li s-sitwazzjonijiet fil-futur ser ikunu aktar prekarja.

    L-aktar żewġ fatturi li ssemmew li ġabu din is-sitwazzjoni ta’ over-indebtedness kienu l-għoli tal-ħajja u ż-żieda tremenda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bejn 2008-2011, perjodu ta’ tliet snin, dawk li bdew isibuha diffiċli ħafna biex iħallsu l-kontijiet tal-elettriku u l-ilma żdied aktar minn 17%. Tajjeb li ngħidu li minn stħarriġ ieħor, joħroġ li dawk li tul l-istess perjodu ma kinux jifilħu jsaħħnu djarhom minħabba l-prezz tal-elettriku kien tela’ għal 22% - wieħed mill-aktar għoljin fl-UE.

    Kemm il-prezz tal-elettriku kien problema tul il-perjodu 2008-11 joħroġ minn dawn il-graphs li ġejjin.

    L-ewwel graph turina l-persentaġġ tal-popolazzjoni li waqgħet lura fil-ħlasijiet ta’ self li sar fuq affarijiet inġenerali. It-tieni graph turina l-persentaġġ tal-popolazzjoni li waqgħu lura fuq is-self li għandhom fuq id-djar filwaqt li l-aħħar graph turina dawk li waqgħu lura fuq il-ħlasijiet ta’ servizzi essenzjali bħad-dawl.

    Dawn il-graphs juruna li filwaqt li l-persentaġġ fuq self normali u fuq self fuq id-djar huma baxxi meta mqabbla ma’ dawk tal-UE, il-persentaġġ ta’ dawk li waqqgħu lura biex iħallsu kontijiet bħad-dawl joqrob ħafna l-medja tal-UE – qabża kbira.

    Tul dan iż-żmien kien innutat li l-ġbir tad-dejn ingħata aktar importanza minn żminijiet oħra. Dan iżid il-pressjoni fuq familji bħal dawn. F’ċerti każi dan iwassal għall-użura.

    Fil-qafas Malti l-unika għaqda li tgħin lil dawn in-nies sew bil-pariri u sew b’servizz ieħor li tgħin lil dawn il-familji jżommu aktar rendikont tal-infiq tagħhom hi l-Caritas. F’pajjiżi oħra dawn is-servizzi speċjalment it-tieni wieħed ġeneralment ikun ipprovdut mill-gvern.

    Minn dawk intervistati, il-maġġoranza jemmnu li din il-problema l-aktar li tista’ tiġi solvuta hi bi tkabbir ekonomiku u b’rata ta’ għoli tal-ħajja aktar baxxa. Wieħed għalhekk tikbirlu t-tama li din il-problema tiġi mrażżna speċjalment meta l-gvern preżenti waħda mill-ewwel miżuri kienet li jraħħas il-prezz tal-elettriku lill-familji. Ħaġa oħra li tagħtik tama hi li l-politika ta’ dan il-gvern hi t-tkabbir ekonomiku u t-trażżin tal-għoli tal-ħajja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Nov 12, 2014

    Hadt hafna gost naqra artiklu serju bhal dan. Dan ghaliex warajh hemm ricerka tajba. Apparti minn hekk, il-lingwagg tieghu hu espress b'mod car u logiku. I-News ghandha bzonn iktar artikolisti bhal dan.

    Irrispondi