KAWTELA

  • Nov 10, 2014 08:48
  • Miktub minn

    Quddiem l-iżviluppi politiċi u soċjali, jinsiltu żewġ għażliet ewlenin ta’ kondotta – jew li tintwera kawtela; jew li wieħed jirreaġixxi minnufih għal kull ċaqliqa li tinqala’ f’sitwazzjoni jew oħra.

    Hemm xi tgħid favur iż-żewġ linji ta’ mġiba. Bil-midja elettronika li qed tinfluwixxi dejjem aktar il-mod kif l-opinjoni publika tinħema, li tirreaġixxi b’ħeffa qed isir aktar meħtieġ f’ħafna każi. Dan biex il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini ma jilħqux jieħdu fasla mhux mixtieqa li mbagħad teħel.

    Madankollu, jekk se ssegwi b’li tgħid u tagħmel kulma qed jiżviluppa, tista’ ssib li qed iddur ċirku tond u tispiċċa qed tħares lejn in-naħa l-maqluba ta’ minn fejn tlaqt.

    Il-kawtela min-naħa l-oħra tippermetti – jew għandha tippermetti – li toħroġ aktar fiċ-ċar il-lanja u t-tifsira tal-ġrajjiet li qed iseħħu. B’hekk, il-pożizzjonijiet li jittieħdu jiġu jorbtu aktar fis-sod u fit-tul ma’ dak li wieħed jemmen u ma’ li qed jimmira lejh. Il-periklu hawn hu tal-immobiliżmu.

    Fl-iżviluppi ekonomiċi li qed iseħħu, l-aktar fl-Ewropa, u fl-iżviluppi soċjali li qed naraw madwarna, anki f’Malta, jidhirli li l-kawtela bħalissa hi essenzjali.

    ***

    Indifferenza

    Ftakart fi tweġiba li Francois Mitterrand ta għal mistoqsija li għamillu l-kunsillier tiegħu fi żmien li kien President ta’ Franza, Jacques Attali. Liema kien l-aktar sentiment li sabu utli matul is-snin? staqsa Attali, jew xi ħaġa hekk.

    L-indifferenza, wieġeb Mitterrand.

    Wieħed jifhem għaliex Mitterrand qies din il-kwalità bħala daqstant siewja: kien ġarrab għadd kbir ta’ burraxki u rnexxielu jiskapulahom. Ħtieġlu ma jħallix il-fallimenti u l-vleġeġ tal-avversarji jeqirdu l-ħeġġa tiegħu jew itellfuh mill-konċentrament meħtieġ biex jekk jinsab taħt il-mewġ, jara kif se jerġa’ jitla’ fil-wiċċ tagħhom.

    Sens ta’ indifferenza à la Mitterrand hu wkoll meħtieġ meta tiġi biex taqta’ favur jew kontra l-kawtela.

    ***

    Prudenza

    Faċli tiżbalja l-prudenza mal-kawtela, imma mhumiex l-istess ħaġa. Tista’ tħarrek kemm trid l-azzjoni politika, soċjali jew ekonomika waqt li ssostni sens ta’ prudenza. Dan iżommok attent biex ma taqtax b’mod li jorbtok ma' pożizzjoni li minnha ma tkunx tista’ tirtira, anki meta tkun trid iżżomm miftuħa l-għażla tal-irtirar; u biex ma tħarrikx u ma twebbisx il-pożizzjonijiet tiegħek u tal-oħrajn tant illi sitwazzjoni diġà diffiċli ssir tassew imwiegħra.

    Eżempju ta’ kif in-nuqqas ta’ prudenza jista’ jissarraf f’deni semmieh Mikhail Gorbachev, meta kkummenta f’Berlin dwar kemm l-imġiba tal-”punjent” lejn ir-Russja wara l-waqgħa tal-ħajt wasslet biex din tal-aħħar tħossha milgħuba u offiża.

    Barra l-indifferenza, trid iżżomm ukoll sens ta’ prudenza waqt li qed tiddeċiedi bejn il-kawtela u l-kontra.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0