Servizzi elettroniċi

  • Nov 05, 2014 09:33
  • Miktub minn

    Dan hu qasam li aktar ma jgħaddi żmien, aktar jinfilsa f'ħajjitna u jbiddel kif ngħixu. Fejn qabel dan kien qasam għal dawk li jdabbruha tajjeb, illum skula fil-livelli kollha tas-soċjetà. Illum min m’għandux mobile? Probabbilment dawn tgħoddhom fuq id waħda.

    Illum għal ħafna familji, dan il-qasam jinkludi l-internet, it-telefon u t-televixin. Illum ukoll issib li dawn is-servizzi jinxtraw bħala pakkett wieħed u ħafna familji huma marbuta b’kuntratt. Qed insemmi biss il-familji li huma marbuta b’kuntratt għaliex, grazzi għall-Unjoni Ewropea, dawk li jipprovdu dan is-servizz mhux marbuta bil-kuntratt.

    Peress li s-suq f’Malta hu suq żgħir ħafna, u għandna biss tlett operaturi prinċipali, minflok Re (l-Ingliżi jgħidu li l-Customer is always King), il-konsumatur ta’ dawn is-servizzi hu ‘at the end of the stick’ għaliex ikollu jiżfen kif iridu l-operaturi. Suppost f’suq li jaħdem tajjeb huma l-konsumaturi li jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn huma l-operaturi li jkollhom jiżfnu skont il-mużika. F’ħafna pajjiżi fejn il-kompetizzjoni taħdem hekk hu iżda f’Malta s-sitwazzjoni hi l-kuntrarju.

    Meta l-operaturi jfettillhom, dawn jibdlu l-kuntratt kif u meta jaqbel lilhom. Ħadd ma jista’ jżommhom. Fejn qabel dan kien jiġri minn operatur wieħed, illum kollha tħajru u kollha jagħmlu l-istess. Hu għalhekk li minkejja li meta jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kuntratt iħallu lill-konsumaturi biex jekk iridu jħassru l-kuntratt, ħafna ma jagħmlux hekk. Ir-raġuni li ħafna konsumaturi ma jiċċaqilqux bażikament hi li m’huma ser jieħdu l-ebda vantaġġ għax l-operatur il-ġdid jista’ jerġa’ jibdel il-kundizzjonijiet daqs tazza ilma.

    Stħarriġ li jsir kull sitt xhur mill-Malta Communications Authority (MCA), jagħti ħarsa lejn l-ilmenti tal-konsumaturi f’dan il-qasam. Dan hu stħarriġ importanti għaliex jagħtina stampa ta’ kif għaddejjin l-affarijiet f’dan is-suq. Xi xhur ilu l-MCA kienet ħarġet rapport dwar l-ilmenti. F’dan ir-rapport kien hemm it-tip u n-numru ta’ lmenti li kienu qajmu l-konsumaturi fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena mal-MCA.

    L-MCA fl-ewwel sitt xhur tas-sena rċeviet 155 ilment dwar dan is-settur, madwar 25 kull xahar. L-ilmenti kienu jvarjaw minn problemi dwar il-kuntratt, is-servizz innifsu, kontijiet, unfair commercial practices u oħrajn. L-akbar ammont ta’ lmenti kienu dwar is-servizz. It-tieni l-akbar grupp ta’ lmenti kienu dwar il-kuntratti u problemi meta taqleb għal service provider ieħor u t-tielet dwar il-kontijiet. Jekk wieħed iqabbilhom mal-problemi li kien hemm is-sena l-oħra wieħed jara li l-akbar tliet problemi li kien hemm is-sena l-oħra, kienu wkoll l-aktar problemi komuni ta’ din is-sena. L-ammont ta’ lmenti kien ukoll kważi daqs dak tas-sena li għaddiet.

    Bħala reazzjoni għal dan ir-rapport, l-Għaqda tal-Konsumaturi ħarġet stqarrija fejn semmiet numru ta’ prattiċi li qed ikun hawn fis-suq li jmorru kontra l-interessi tal-konsumaturi. Biss l-aktar punt importanti kien li dawn il-problemi mhux qed jiġu solvuti b’mod ġenerali biex ma jerġgħux jinqalgħu.

    Tajjeb naraw daqsxejn dawn il-punti. L-ewwel tajjeb li nħarsu lejn l-ammont ta’ lmenti. Ir-rapport isemmi 155. Biss l-ammont hu ħafna aktar. Dan ġie kkonfermat miċ-Chairman tal-MCCAA fejn f’intervista fuq it-tv qal li l-MCCAA rċeviet 232. Dan ifisser li l-ammont li ġie rrapportat lill-Awtoritajiet hu ta' 389. Dan barra l-fatt li għandek ammont ieħor li ressqu l-ilmenti tagħhom lill-Għaqda, oħrajn direttament lill-operatur filwaqt li oħrajn ma għamlu l-ebda rapport għal diversi raġunijiet fosthom li qatgħu qalbhom.

    Biss bħalma għidt il-punt li ħareġ hu li l-Awtoritajiet qed jiffukaw fuq l-ilmenti partikolari u mhux qed jaġixxu biex il-problemi msemmija mill-konsumaturi jiġu indirizzati. Dan joħroġ ċar mir-rapport tal-MCA fejn issemma li l-istess każi bi kważi l-istess ammont ġew irrappurtati s-sena l-oħra.

    Biex inġibu paragun qiesu xi ħadd mar għand it-tabib u qallu li qed ikollu rasu tuġgħu. It-tabib jordnalu l-paracetamol. Izda l-uġigħ jibqa’ hemm. It-tabib kull meta jkollu dan l-ilment jerġa’ jordnalu l-istess mediċina li kull ma tagħmel tnaqqas l-uġigħ. Il-problema ta’ dan it-tabib kulħadd jittendi x’inhi. Qed iħares lejn is-sintomi u mhux qed jara minfejn ġejja l-problema li qed tikkaġuna lil din il-persuna milli tibqa’ tbati mill-uġigħ ta’ ras. Hekk qed jagħmlu l-awtoritajiet għax li kieku mhux hekk, il-problemi ta’ din is-sena ma jkunux l-istess bħal tas-sena l-oħra.

    Hawn joħroġ ċar li qieshom l-Awtoritajiet li għandna ma jafux ir-rwol tagħhom. Filwaqt li qegħdin hemm biex jgħinu lill-konsumaturi, qegħdin hemm ukoll biex jaraw kif qed jaħdmu s-swieq. Dan speċjalment jgħodd għall-MCCAA li sezzjoni minnha hi speċifikament għalhekk. L-ilmenti tan-nies għandhom jintużaw mhux biex noqogħdu ngħidu kemm solvejna minnhom, iżda biex inkunu nafu fejn is-swieq mhux qed jaħdmu tajjeb biex nieħdu azzjoni.

    Bħalma semmejt, dan il-qasam għandu problema kbira minħabba r-regoli tal-Unjoni Ewropea li tħalli lill-operaturi jbiddlu r-regoli kif u meta jaqbillhom. Din il-problema hemm bżonn tiġi solvuta u l-Awtoritajiet għandhom rwol importanti. L-Awtoritajiet hemm bżonn jagħmlu pressjoni meta jitilgħu Brussell għal-laqgħat li jkollhom biex din il-kwistjoni tiġi riżolta. Fis-suq żgħir ta’ Malta li hu dominat minn tlett operaturi din ir-regola qed ikollha riperkussjonijiet kbar fuq il-konsumaturi. Jekk m’aħna ser nagħmlu xejn dwarha, il-konsumaturi Maltin ser jibqgħu f’din is-sitwazzjoni prekarja fejn litteralment ma jafux fejn huma. Il-fatt li għandhom id-dritt li jiċċaqilqu mhux soluzzjoni għaliex kull ma jagħmlu hu li jsibu ruħhom minn ġot-taġen għal ġon-nar.

    Hemm affarijiet oħra li jistgħu jagħmlu. Waħda minnhom hi li jinvestigaw is-swieq jekk hux qed jaħdmu tajjeb. Filwaqt li fi swieq barra minn Malta, operaturi jaraw kif joffru pakkett aħjar minn ta’ ħaddieħor biex ikabbru s-suq tagħhom, hawn kollha jidhru kuntenti bil-market share tagħhom. Tant hu hekk li ħafna drabi kif xi operatur jibdel xi kundizzjonijiet għal agħar, l-oħrajn jagħmlu l-istess.

    Soluzzjoni oħra hi li naraw kif nistgħu niftħu s-swieq tagħna aktar u nagħmlu l-affarijiet faċli għall-konsumaturi biex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ operaturi li jaħdmu barra minn Malta. Il-Maltin jaraw television u jafu l-offerti li konsumaturi oħra, per eżempju, it-Taljani l-offerti li għandhom – offerti li huma ħafna aħjar minn dawk li qed jiġu mbella’ l-konsumaturi Maltin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 2

  •  
    anonimu
    Nov 06, 2014

    Naqbel miegħek perfettament, għax artiklu verament interessanti li, fil-fehma umli tiegħi,

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 10, 2014

    Waħda mill-prattiċi ġodda li

    Irrispondi