BUROKRAZIJA

  • Ott 27, 2014 07:12
  • Miktub minn

    Minkejja kull ma jintqal dwar il-burokrazija, minkejja l-għanijiet li jiġu proklamati dwar kif se tiġi mliġġma, fil-fatt minflok tonqos, qiegħda tiżdied. Mhux biss f’pajjizna, imma kull fejn tmur.

    Każi li smajt dan l-aħħar, iġibulek għajnejk wara widnejk... u dan dwar ħidmiet li jinsabu għaddejja bħala proġetti tal-aqwa importanza. Fit-trasport, fl-edukazzjoni, fit-tħajjir għall-investiment ġdid, fil-ħarsien tal-ambjent...

    Hu minnu li iridu jinżammu regolamenti biex it-tmexxija tal-pajjiż ma tispiċċax ġungla fejn min hu l-aqwa jħawwel.

    Min-naħa l-oħra, ir-regolamenti jridu jkunu ċari u fejn iwasslu għal xi kumplikazzjoni, iridu jiġu interpretati b’mod ħafif u deċiżiv. Hu hawn li l-akbar dnubiet isiru. Kull min iħaddem ir-regoli, donnu jieħu l-anqas triq diffiċli għalih – dik li jtawwal għax tassolvieh mir-responsabbiltà.

    Hi t-triq li l-aktar toħloq burokrazija. Ċittadini jispiċċaw frustrati, negozji ż-żgħar jitilfu opportunitajiet, l-abbużi jimmoltiplikaw. U l-burokrazija minflok titrażżan, aktar tinfirex.

    KLIMA

    Il-Kunsill Ewropew ftiehem fuq kompromess dwar kif l-Ewropa se tissettja l-miri tagħha biex tkun fuq ta’ quddiem fil-ħidma mondjali kontra t-taħsir tal-klima minħabba l-gassijiet li joħorġu meta niġġeneraw l-enerġija.

    Nifhem li t-tibdil tal-klima hi materja tal-akbar importanza.

    Nifhem li fil-qbil internazzjonali li qed jipprova jintlaħaq dwar miżuri għall-ħarsien tal-ambjent, l-Ewropa trid tagħti sinjal ta’ impenn serju.

    Imma m’inix nifhem li bħalissa l-Ewropa għandha tikkonċentra b’daqstant ħerqa fuq din il-materja. Ta’ urġenza wisq akbar, nifhem jien, hu l-bżonn ta’ ħidma tassew effettiva biex l-Ewropa tiffaċċja d-dipressjoni ekonomika li qed tirkibha.

    Fin-nofs hemm id-destin ta’ miljuni u miljuni ta’ żgħażagħ u ħaddiema Ewropej. Jekk se jibqgħu bla impjieg u bla futur, forsi li l-problema għalina lkoll se tkun agħar minn tal-klima.

    Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan.

    KLINGHOFFER

    Segwejt il-kontroversja li kienet għaddejja f’New York dwar id-deċiżjoni tal-Metropolitan Opera li jtellgħu l-opra ta’ John Adams, The Death of Klinghoffer. Ħafna nies qiesu li l-opra “tigglorifika” t-terroriżmu.

    Klinghoffer kien Lhudi Amerikan li qed jivvjaġġa mal-Mediterran fuq kruż fis-snin sebgħin. Attivisti Palestinjani ħatfu l-vapur u matul l-operazzjoni tagħhom, qatlu lil Klinghoffer, li minħabba d-diżabbilità li kellu, kien imkaħħal f’siġġu tar-roti.

    John Adams imdorri jikteb opri dwar suġġetti kontemporanji – forsi l-aktar waħda magħrufa hi dwar iż-żjara tal-President Nixon fiċ-Ċina. Li l-Met itella’ l-opra fuq Klinghoffer, tqieset bħala deċiżjoni antisemita minn bosta Lhud Amerikani. Imma d-direttur tal-Met Opera li ddeċieda dwar l-għażla tal-opra hu Lhudi.

    Iċċekkjajt fil-you tube: partijiet sostanzjali mill-opra jinsabu fuqu. Il-mużika ta’ John Adams hi sabiħa.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook