Proposti mill-Ewropa

  • Set 20, 2012 11:29
  • Miktub minn

    Fi ħdan iż-żona ewro qed jiżviluppaw proposti wiesgħa biex il-Bank Ċentrali Ewropew jissorvelja u eventwalment jikkontrolla t-tmexxija tal-banek kollha fl-Ewropa. Miżuri oħra li qed jitħasslu resqin lejn proposti għal aktar kontrolli ċentrali fuq id-deċiżjonijiet finanzjarji tal-gvernijiet nazzjonali bit-twaqqif ta’ ministeru tal-finanzi Ewropew u d-dħul ta’ tassazzjoni separata li tapplika għall-pajjiżi taż-żona ewro.

    Il-parlamenti nazzjonali qed jirċievu informazzjoni dwar dawn l-ideat ħalli jgħidu tagħhom. Id-deputati Maltin irċevew ukoll din l-informazzjoni.

    Fir-realtà, il-Parlament Malti la għandu l-mezzi, la l-istrutturi u lanqas il-proċeduri biex jifli bis-serjetà l-proposti. Se jiġri kif ġara sal-lum bil-gvern jitlaq għal rasu biex iħalli kollox għaddej. Wara, jippreżenta lill-Parlament u lill-poplu deċiżjonijiet diġà lesti.

    Dawn huma l-affarijiet li qed jimminaw l-integrità tal-Parlament Malti.

    Gass

    Żort l-impjant modern tal-kumpanija Gasco f’barriera miftuħa wara l-Freeport. Hawn, f’tankijiet enormi mgħottija b’għolja ta’ żrar, jinħażen gass li jinġab b’pajplajn sal-impjant minn vapuri ttrakkati ma’ moll fil-qrib. Il-gass wara jiddaħħal fiċ-ċilindri li nużaw fid-djar tagħna – b’sistema li tixbah lil dik li ssib f’impjant tal-ibbottiljar. Jidher li sar investiment serju fi produzzjoni li kellha tiġi adatta għall-esiġenzi ta’ gżira ċkejkna.

    Il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-gass kienu qabel f’idejn l-Enemalta. Fl-aħħar snin, tilfet flejjes kbar minnhom. Taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, l-gvern intrabat li jipprivatizza dil-ħidma u li jneħħi s-sussidji. Tal-privatiżazzjoni ġietu tajba, għax seta’ jwaħħal f’ħaddieħor għaż-żieda kbira fil-prezz tal-gass li kellha tirriżulta mit-tneħħija tas-sussidji. Meta wissejt li l-prezz tal-gass kellu jittripla tal-anqas, ta’ gonzi-pn kienu ddieħqu bija.

    Il-kumpanija l-«ġdida» tal-gass qed ikollha ssib saqajha f’qafas ta’ ħidma fejn ir-regoli tal-operat għadhom mhumiex ċari. Naħseb li l-gvern jaqbillu hekk għax jista’ jibqa’ jaħbi r-responsabbiltà li jġorr għal xinhu jiġru f’dan il-qasam tal-enerġija.

    L-internet u l-provokazzjoni

    Il-ġrajja tal-aħħar ġimgħa uriet kif individwu li ħadd ma jaf bih jista’ joħloq rebus mad-dinja kollha – sempliċement billi joħroġ fuq l-internet you-tube medjokri li joffendi biljuni ta’ nies. Qatt qabel fid-dinja ma eżistiet din il-possibbiltà. Quddiemha, ideat dwar kontrolli u ċensura ftit se jirnexxu. Kif qalet Hilary Clinton, it-teknoloġija tant żviluppat fil-qasam tal-informatika, li min jipprova jwaqqaf din it-tip ta’ provokazzjoni, se jsib li baqa’ l-art.

    Madankollu naħseb li kien hemm pjan biex il-biċċa tinbena bil-kbir. Il-you tube kien ilu ġimgħat li ttella’. L-inkwiet qam fi bliet differenti matul il-ġimgħa tal-ħdax l-anniversarju tad-diżastru tat-Twin Towers f’New York. Għal ħafna mill-protesti li saru, ħarġu gruppi armati bil-lest. Il-provokazzjoni serviet biex forzi moħbija juru s-saħħa tagħhom.

    www.alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0