e commerce

  • Ott 23, 2014 10:49
  • Miktub minn

    Ftit ilu kont ktibt dwar laqgħa tal-Prim Ministru mas-settur tan-negozju fejn fih kienet qamet il-kwistjoni tal-kompetizzjoni li qed jiffaċċjaw ħafna ħwienet f’Malta minn fuq l-internet. Hemm semmejt kif ħafna mis-settur tal-business speċjalment il-GRTU qed tippressa l-Gvern biex ‘jiddefendi’ n-negozju f’Malta.

    Din l-attitudni wkoll reġgħet ħarġet ċara fil-business breakfast li organizza l-Ministru tal-Finanzi fuq il-baġit. Hemm ir-rappreżentanta tal-GRTU reggħet semmiet miżuri li pproponew. Jekk tiflihom sew issib li l-attitudni hi waħda protettiva li tipprova xxekkel aktar kompetizzjoni. Fl-artiklu tiegħi kont ktibt li biex ‘niddefendu’ n-negozju f'Malta mhux protezzjoni u tfixkil lill-konsumaturi biex jixtru minn fuq l-internet għandna bżonn, iżda nippreparaw lin-negozju tagħna biex jikkompeti hu wkoll b’dawn il-mezzi ġodda.

    Din il-ġimgħa l-Ministru responsabbli mit-telekommunikazzjoni vara l-e strategy fejn issa ser ikun hemm politika ċara fejn irridu nimxu. Tul id-diskorsi li saru, ħaġa kienet ċara. Li l-Gvern lest li jgħin lin-negozji Maltin illi jidħlu f’dan il-qasam u japprofittaw ruħhom minn dak li tagħti din it-teknoloġija ħalli jkunu kompetitivi daqs ħaddieħor. Nemmen li dan hu pass importanti ħafna għaliex minflok qed nippruvaw niġġieldu din it-teknoloġija li ser nagħmlu hu li nirkbu din it-teknoloġija u nużaw il-potenzjal tagħha biex inkunu kompetitivi.

    Issa l-ballun hu f’saqajn in-negozji li japprofettaw ruħhom u jsiru kompetitivi. It-teknoloġija tal-internet ma tagħmilx l-e commerce iżda hi l-platform li fuqha jaħdem in-negozju biex ikabbar is-swieq tiegħu billi jkabbar il-lokal tiegħu minn triq f’Malta għad-dinja kollha. Is-swieq u l-opportunità hemm qegħdin iżda dawn ma tirbaħomx sempliċiment għax hekk tixtieq. Terbaħhom għax taħdem għalihom u tkun innovattiv.

    L-ewwel pass sar. Issa hemm bżonn li l-gvern joffri għajnuna lin-negozji, speċjalment dawk żgħar, biex jifhmu u jkunu kapaċi jużaw din it-teknoloġija. Min-naħa l-oħra n-negozji jridu jippruvawha u minn din l-esperjenza noħorġu t-tagħlimiet biex nirranġaw l-affarijiet interni speċjalment ir-regoli tagħna biex dawn, filwaqt li jkunu serji, ma jxekklux dan l-iżvilupp. Irridu nsibu regoli li din l-opportunità inkabbruha u nagħmluha wkoll vijablli għal negozji żgħar.

    Bħalma għidt din it-teknoloġija tagħtina platform minfejn il-busines jista’ jopera. Qiesu xi ħadd għandu ħanut li jidher mid-dinja kollha. Dan għaliex kapaċi jidħol fid-djar tan-nies f’kull ħin kulfejn ikun hemm l-internet.

    Iżda l-qofol ta’ ħanut mhux il-ħanut innifsu iżda l-affarijiet li tbigħ u kif tbiegħhom. Il-konsumaturi jiġu jixtru mingħandi u mhux mingħand ta’

    ħdejja għaliex qed noffrilhom xi ħaġa speċjali. Hi din ix-xi ħaġa speċjali li timmbuttani nidħol f’ħanut u mhux fl-ieħor. Hemm min jibbaża fuq prezzijiet orħos, hemm minn jibbaża fuq kwalità bi prezzijiet oħros, hemm minn jibbaża fuq affarijiet speċjali. Hemm elf ħaġa fuq x’hiex tibbaża l-business tiegħek.

    Kien pass tajjeb wkoll li meta sar il-launch ta’ e commerce, morna wkoll l-MCAST fejn għandek iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ għandhom abbiltà speċjali li jifhmu teknoloġija ġdida u jaraw opportunitajiet ġodda li teknoloġija tista’ tagħti. Barra minhekk, iż-żgħażagħ jifhmu wkoll il-bżonnijiet ta’ żgħażagħ oħra, jiġifieri jafu x’iridu l-ġenerazzjoni ta’ konsumaturi ġodda.

    Barra dan, dawn iż-żgħażagħ għandhom il-ħolm tagħhom. Dan il-ħolm hu wkoll ibbakkjat mit-tgħalim ta’ teknoloġija li tgħinhom li dan il-ħolm jista’ jsir realtà. Illum ħafna drabi l-limiti tat-teknoloġija mhux ġejjien mit-teknoloġija nnfisa iżda minħabba nuqqas ta’ ideat. Bħalma għidt jekk hemm ġenerazzjoni li għandha ideat ġodda, żgur li din hi l-ġenerazzjoni żagħżugħa. Għalhekk nemmen li għandu jkun hemm programm speċjali għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jmorru fuq din il-linja.

    Irridu niftakru li dawn iż-żgħażagħ kulma għandhom huma ideat, kapaċità, kuraġġ u fehma qawwija li jwettqu l-ħolm tagħhom. Għalhekk ir-regoli jridu jkunu speċjali. Ħaġa li m’għandhomx dawn iż-żgħażagħ hu l-kapital. Għalhekk din għandha tkun priorità. Hi ħasra li f’Malta dawn is-sorsi ta’ finanzi ħafna drabi huma marbuta mal-banek. Hemm bżonn li nsibu mezzi ġodda, mezzi serji iżda aktar flessibli b’anqas burokarazija u ħtiġijiet. Għalhekk nemmen li biex l-e commerce veru nagħtuh spinta, din l-istrateġija trid ikollha magħha żviluppi u inizjattivi f’dan is-sens min-naħa ta’ Ministeru ieħor li hu attiv fil-qasam tan-negozju – il-Ministeru tal-Investimenti u Azjendi Żgħar.

    Dan hu speċjalment importanti għaż-żgħażagħ biex dawn ikunu jistgħu jidħlu f’dan il-qasam. Ma rridux ninsew li kienu żgħażagħ li ħarġu bl-ikbar u l-aħjar ideat f’dan il-qasam. L-ideat tas-social media miż-żgħażagħ ħarġu. Għalhekk nemmen li dawn għandhom ikunu inkoraġġiti u megħjuna. Idealment ikun jekk dawn iż-żgħażagħ jiġu inkoraġġiti wkoll jaħdmu mal-business.

    Dan sabiex il-business li lesti jaħdmu f’dan il-qasam jiżviluppaw business models ġodda u differenti li jattiraw xerrejja ġodda. Mill-esperjenza ż-żgħażagħ huma wkoll sensittivi għad-drittijiet tagħhom. U hawn wkoll jistgħu jgħinu għaliex dan il-qasam il-protezzjoni tal-konsumaturi trid tkun infilsata f’dan il-qasam. Is-suċċess tal-ebay mhux ġej biss għax huma kapaċi joffru prodotti inovattivi u rħas iżda għaliex hemm protezzjoni sew f’dak li tixtri u sew fil-ħlasijiet li tagħmel.

    Hu minħabba dawn l-affarijiet li nemmen li t-triq li rridu naqbdu mhix dik ta’ protezzjoni u tfixkil lill-konsumaturi. Hi ħasra li waqt li din l-inizjattiva ġdida għaddejja, l-MCCAA, li suppost hemm qiegħda biex tiddefendi l-konsumaturi, għada għaddejja fit-tfixkil biex konsumaturi jixtru minfuq l-internet. Dan l-aħħar jidher li reġgħu qed jisforzaw lil Posta biex titlob il-konsumaturi jerġgħu jibagħtu l-affarijiet lura (speċjalment dawk Ċiniżi), għaliex mhux qed jiġu rilaxxati għax m’għandhomx letter of conformity. Tajjeb li ngħidu li dak li qed isir mhux kif qed titlob l-Unjoni Ewropea għaliex skont il-Kummissjoni konsumatur m’għandux dawn l-obbligi (ara isfel nett Commission's reply),. Dan barra l-fatt li dak li qed isir, qed isir meta l-Gvern qed iħajjar investiment Ċiniż.

    Dawn l-affarijiet jagħtu messaġġ imħawwad. Il-konsumaturi Maltin l-ecommerce midħla tiegħu sew. Issa hemm bżonn li ninkoraġġixxu lin-negozji tagħna jidhlu f’dan il-qasam. Biex isir dan irid ikun hemm messaġġ ċar liema naħa ser nimxu – protezzjoni u medjokrità jew innovazzjoni b’negozji li lesti għall-isfidi tal-futur.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook